Janice Chetcuti tgħid il-verżjoni tagħha dwar dak li ġara fil-qorti “Jien vittma għax mara u għax Janice Chetcuti”
Dan is-sit ippubblika l-istorja fejn il-maġistrata Yana Micallef Stafrace talbet lill-Kamra tal-Avukati biex jinvestigaw lil Janice Chetcuti u lill-avukat Marino Mercieca talli skont l-istess Magistata kienu qed jitbewwsu fil-qorti.
Wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja, dan is-sit ġie ikkuntattjat minn Dr. Janice Chetcuti. Dr. Janice Chetcuti qalet lil dan is-sit, li f’din l-istorja hija l-vittma u dan kien attakk fuqha għax mara u għax hija Janice Chetcuti. Hija saħqet ma’ dan is-sit, li din l-istorja ħarġet fl-istess żmien li isimha kien qed jissemma’ għall-viċi-kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dr. Chetcuti insistiet li l-persuna li skont il-Maġistrata Micallef Stafrace hija kienet qed titbewwes magħha huwa l-kuġin tagħha. Kienu ilhom ma jiltaqgħu u dak li ġara kien li ltaqgħu fl-awla u tgħannqu. Skont Dr. Janice Chetcuti dan wassal għar-reazzjoni eċċessiva mill-maġistrata fejn għajritha u hawn ser inġib il-kliem eżatt li Janice Chetcuti qed tgħid li qaltilha l-maġistrata:
“inti agħar mill-agħar qaħba kriminali li qatt dehru quddiemi. Taf kemm dehru kriminali quddiemi? Ħadd qatt ma għamel azzjoni sesswali erotika u jitbewwes f’din l-awla”.
Janice Chetcuti qalet li ppruvat tfiehem lill-maġistrata u tgħidilha “dak kuġinuwi x’nitbewwes!”
Biss, dejjem skont Janice Chetcuti, il-maġistrata ma ħalliethiex titkellem u għax baqgħet tħares lejha qaltilha li jekk tibqa’ tħares ser tagħtiha disprezz ta’ 550 euro waqt li ddiferit il-kawża tal-klijenta tagħha għal Novembru. Il-maġistrata keċċitha barra mill-awla.
Sadanittant din l-istorja dehret anki fil-ġurnali. Minħabba ċertu kummenti li kienu qed jiġu ġġenerati, din l-istorja neħħejtha minn fuq Facebook. Imma wieħed jista’ jaqra din l-istorja fuq is-sit innifsu.