David Agius jittama li ser ikun qed jikkontesta waħdu għall-kariga ta’ Viċi Kap
Dan is-sit jinsab infurmat li David Agius qed jagħmel minn kollox biex ikun ikkonfermat viċi-kap. Persuna qrib il-Partit Nazzjonalista kkuntattjat lil dan is-sit u qalet li “Illum sirt nifhem l-għaliex preżentatur tal-One, qabel isemmi lil Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid (believe it or not).”
Infatti, din id-darba mhux ser ikun hemm żewġ elezzjonijiet għal ħatra ta’ żewġ viċi-kapijiet imma waħda għaliex il-Partit Nazzjonalista reġa’ mar għall-istruttura passata tiegħu li jkollu viċi-kap wieħed u mhux tnejn. Bħala mossa, din hija tajba.
Il-problema llum hija min ser ikun il-viċi-kap? David Agius irid din il-pożizzjoni b’saħħa kbira. Tant kemm iridha li qed jispiċċa jgħid affarijiet li kieku aħjar ma jgħidhom xejn għaliex qed jitlef il-kredibilita’ politika tiegħu kull meta jfettillu jiftaħ ħalqu. Inkredibbli kif ħalqu ma jafx iħallieh kwiet. Dan ma hux sinjal tajjeb aktar u aktar issa li jista’ jkun qed jikkontesta waħdu għall-kariga ta’ viċi-kap. Dak li jrid ikun viċi-kap irid ikun persuna li tikkonvinċi lill-elettorat u li għandha x’toffri u mhux persuna li tispiċċa tibda tgħid il-ħmerijiet, bħal meta qal li l-Partit Nazzjonalista qata’ lura għax in-Nazzjonalisti ma jagħmlux “likes” fuq Facebook.
Hu ċar li David Agius irid din il-kariga għaliex qed jaqta’ lura fil-politika. Dan intwera ċar fl-aħħar elezzjoni. Allavolja kien viċi-kap, hu baqa’ l-art mit-tmien distrett u għamilha bi żbrixx mill-11-il distrett.
B’hekk it-tama ta’ Agius hija li ma joħroġlu ħadd għall-Viċi Kap biex jibqa’ fl-istess pożizzjoni. Fuq kollox, Agius mhux persuna fdata mit-tmexxija preżenti u anki jinsab imwarrba. Minkejja li jaf li mhuwiex fdat u jaf ukoll li mwarrab qed jipprova jimbotta kemm jista’ lilu n-nifsu biex jibqa’ fil-limelight. Imma dak li qed jiġri issa huwa li kull meta jitkellem, kulħadd (inkluż sħabu) qed jispiċċaw jehmżu lil xulxin minħabba dak li jkun jgħid.
Fil-maratona tal-Ħadd li għadda, minkejja li jaf dan kollu, baqa’ jfaħħar lill-Kap Bernard Grech, anki jekk ma jemminx fih u għamillu ħsara minn taħt irreparabbli. Ta’ min isemmi għal min ma semax lil David Agius, fl-aħħar parti tal-maratona ġbir ta’ fondi, qal li kien għall-Kungress tal-EPP mal-kap f’Rotterdam u stagħġeb kemm hu stmat Bernard Grech! Huwa qal li kien jaħseb li Metsola u Casa biss popolari, imma magħhom hemm ukoll il-kap, u dan jawgura tajjeb għall-Partit Nazzjonalista.
Nistennew u naraw l-eżitu ta’ din l-istorja. Fil-politika, persuna għandha tkun intelliġenti u taf meta għandha toħroġ. Jekk tassew jibqa’ hu viċi kap, tassew l-apatija li ħakkmet lil dan il-partit, li xi darba kien jissejjaħ GLORJUŻ, ser tinbidel f’farsa. Fil-Partit Nazzjonalista, dan il-viċi kap li jidher ħelu minn barra, mhux biss spiċċa kważi mwarrab, imma ħadd, ħadd, u ħadd ma għadu jieħdu bis-serjeta’.