Where your opinion counts

Mingħajr umilta’ politika, partit jimxi lejn id-disintegrazzjoni kompleta tiegħu

Minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista għadu ma bediex janaliżża b’ċertu serjeta x’wassal għal telfa kolossali bħal dik tas-26 ta’ Marzu li għadda. U mid-dehra ma hemmx il-ħsieb li l-istess partit jagħmel dan. Kieku ried janaliżża t-telfa b’mod professjonali kieku diġa’ qabbad l-esperti biex jagħmlu dan. Kull diskussjoni interna mhux ser twassal għal raġunijiet validi għaliex intilfet l-elezzjoni li għaddiet. Il-poplu mhuwiex xi ċuċ. Kien jaf x’kien qed jagħmel meta iżvvota bi ħġaru lill-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela. Il-poplu kien jaf u wasal għal deċiżjoni ċara li ma kienx ser jafda lill-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija tal-pajjiż. Aktar u aktar meta l-poplu jaf li fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista hemm persuna li sab ruħu Kap tal-Partit minħabba rewwixta interna kontra ta’ qablu kif kienet qaltilhom Daphne Caruana Galizia u issa, dan il-partit spiċċa fil-qagħda li ma għandux persuna oħra biex tista’ tmexxih. Dan qed iwassal għall-arroganza politika.

Għall-Partit Nazzjonalista din ma kienitx sempliċament telfa elettorali imma kien vot tal-poplu kollu li rrifjuta lill-Partit Nazzjonalista li deher medjokri u agħar minn hekk, kien hemm vot deċiżiv kontra l-Kap tal-istess partit. Il-poplu għaraf in-nuqqas kbir ta’ kapaċita’ fit-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista. Il-poplu għaraf ukoll li fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kien hemm nuqqas kbir ta’ konsistenza, illum jingħad mod u l-għada jingħad mod ieħor. Il-poplu wera biċ-ċar minn kmieni li ma kienx lest li jafda lill-Partit Nazzjonalista u n-nuqqasijiet li ġabet magħha dik it-tmexxija.

L-istħarriġ diversi li kienu ilhom ġejjien għal numru ta’ xhur, wera x’kien qed jistenna mill-Partit Nazzjonalista; L-umilta! Imma it-tmexxija tal-partit webbset rasha u baqgħet għaddejja qisha ma hu qed jiġri xejn. L-istħarriġ kien qed juri x’riżultat kien ser ikollu l-Partit Nazzjonalista, imma d-diriġenti tal-Partit għoġobhom jikkunslaw bi stħarriġ partikulari li kien qed jagħti xaqq tama li l-Partit Nazzjonalista seta’ jnaqqas id-distakk. Imma ġara bil-maqlub.

Mela l-Partit Nazzjonalista għandu għal xiex jagħmel eżami tal-kuxjenza u jammetti li għandu tort kbir għat-telfa tal-aħħar elezzjoni ġenerali. U forsi għalhekk il-Partit Nazzjonalista ma jridx jagħmel rapport tat-telfa għaliex il-mexxej tiegħu jkun waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex il-partit tilef b’dawk l-ammonti kbar. Issa l-Partit Nazzjonalista reġa’ daħal f’dilemma oħra għax reġa’ ta mandat għal ħames snin biex jibqa’ jmexxi persuna li ma tafx x’inhi umita’.

Dan ħareġ ċar fl-intervista’ li ta’ Bernard Grech f’Xtra. Ma fehemx il-Partit Nazzjonalista li l-Kap tiegħu kien jinteressah biss li jibqa’ jmexxi lill-partit u mhux li jammetti t-tort. Meta tisma’ lil Bernard Grech jitkellem, tinduna minn fejn jibdew illum il-problemi kbar tal-PN. Dawn jibdew mill-egoiżmu tiegħu. Meta jitkellem Bernard Grech ma tisma’ l-ebda ħoss ta’ umilta’. Donnu f’din l-intervista, Saviour Balzan pprova kemm-il darba jagħmel mistoqsijiet lil Bernard Grech biex jgħinu ħalli forsi jisma’ ftit umilta’ mingħandu iżda baqa’ b’xiber imnieħer. L-umilta’ ma tinsab imkien.

B’hekk l-impressjoni li qed tingħata hija li Bernard Grech iżjed moħħu biex jibqa’ jgawdi l-pożizzjoni li poġġewh fiha. Dak li jinkwetak illum huwa li ħadd fil-Partit Nazzjonalista ma qiegħed jiftaħ ħalqu biex jgħidu li l-PN qiegħed fis-sitwazzjoni ddisprata. Illum hemm ħafna li jridu jigdmu ġenbejhom u ma jistgħtux.

Hu fatt storiku li ebda partit kbir minn kemm ilu miftuħ il-Parlament Malti qatt ma tilef tliet elezzjonijiet konsekuttivi b’marġini ta’ telf agħar minn elezzjoni għall-oħra. Quddiem din is-sitwazzoni, illum naqbel ma dawk li qed jgħidu li dan il-partit ser jimxi lejn id-disintegrazzjoni tiegħu.

Kif jgħid l-ingliż ‘the mind boggles’.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *