Attakki minn ġewwa kontra Victoria Buttigieg biex ikun sfurzat jirreżenja Carmelo Abela mill-Parlament
Skont ma jingħad fil-kurituri taċ-Ċentru Laburista, id-deputat Laburista, Carmelo Abela sfida t-tmexxija tal-Partit Laburista meta ddeċieda li joħroġ għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Carmelo Abela kellu pressjoni kbira biex ma joħroġx għal din l-elezzjoni. Hu ħareġ u tela’ imma mbagħad ma ngħatax dikasteru.
Issa bdew manuvri biex iwassal ħalli Carmelo Abela jkun mġiegħel jirreżenja mill-parlament. Dawn il-manuvri bdew il-Ħadd li għadda meta The Sunday Times tatna l-istorja dwar dak il-grupp li siefer l-Italja biex imur fuq żjara ta’ agro-turiżmu fl-intrapriża tal-famuż Albano. Ġara li matul din iż-żjara, kellna l-arrest ta’ Iosef Galea. Dan kien fi grupp li fih kien hemm l-eks-prim ministru ta’ Malta Joseph Muscat. Ma hemmx dubju, kif ktibt f’artiklu ieħor, li dan kien arrest orkestrat.
Wara din l-istorja f’The Sunday Times, ħarġet l-Għaqda Repubblika. Il-President tagħha talab ir-reżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’. Imma jidher li Gafa’ għandu appoġġ b’saħħtu għaliex l-anqas leħaq ħareġ jitkellem il-President ta’ Repubblika li l-għaqda tal-Pulizija ħarġet taqbeż għal Angelo Gafa’. Minflok dawret l-attenzjoni fuq l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika, Victoria Buttigieg, u talbet għar-reżenja tagħha.
Fil-passat, l-għaqda Repubblika kienet għamlet protesti kontra lill-istess Victoria Buttigieg biex tirreżenja. Issa kien imiss lill-Għaqda tal-Pulizija biex titlob għal din ir-reżenja mhux minħabba dan il-każ li kien rrappurtat f’The Sunday Times, imma minħabba l-każ ta’ Darren Debono, magħruf bħala t-Topo. Dan qed jirrifjuta li jixhed dwar dawk li kienu kompliċi miegħu fuq l-attentat fuq l-HSBC wara li l-pulizija qablet li twaqqa’ l-akkużi kontra tiegħu jekk jaċċetta li jixhed kontra Vince Muscat il-Koħħu. Fil-qorti, Darren Debono rrifjuta li jixhed kontra l-oħrajn involuti f’dan il-każ. Fuq kollox, jidher ċar li kien Darren Debono li ma żammx mal-ftehim li kien intlaħaq biex jitwaqqgħu l-akkużi kontra tiegħu.
Dak li hu stramb f’dan kollu huwa li għandna għaqda jew assoċjazzjoni tal-korp tal-pulizija li qed titlob għar-reżenja tal-avukat ġenerali, eżattament wara li ħarġet l-istorja dwar Iosef Galea u l-ineffiċċjenza tal-istess pulizija f’dan il-każ.
B’hekk dan huwa attakk orkestrat kontra Victoria Buttigieg. Dak li mhux qed jingħad huwa li kieku l-uffiċju tal-avukat ġenerali ma għamilx dan il-patteġġjament, kieku dawn it-tnejn, jiġifieri Darren Debono u anki Vincent Muscat il-Koħħu kienu jispiċċaw meħlusa għaliex ma kienx hemm provi biżżejjed biex jorbuthom ma’ dan il-każ. Bix-xhieda ta’ Debono, iċ-ċans hu li l-Koħħu jinstab ħati.
In fatti, minn dak li ħareġ s’issa, ma jidhirx li kien it-Topo li spara fuq il-pulizija f’dan l-attentat ta’ hold up. B’hekk din l-akkuża ser tkun diffiċli biex tkun ippruvata. Fuq kollox, infakkar, li fuq dan il-hold-up kien ġie mixli l-avukat David Gatt li ismu ssemma’ fix-xhieda li l-pulizija ġabret rigward il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Infakkar li David Gatt ma kienx instab ħati tal-akkużi li nġabu kontra tiegħu dwar dan l-attentat fuq l-HSBC.
B’hekk b’din id-dikjarazzjoni, l-għaqda tal-pulizija qed tirriskja li timmina dan il-proċess kontra t-Topo u fl-istess waqt, qed jerġa’ jintefa’ dell ikrah fuq Carmelo Abela bħala l-persuna implikata f’dan il-każ. B’hekk fuq livell politiku, wieħed jistenna li ser ikun hemm fil-futur pressjoni fuqu biex dan jirreżenja mill-Parlament. Ibqgħu żguri li din l-orkestrazzjoni u pressjoni ser tiżdied fil-jiem li ġejjin.