Numru ta’ deputati ma dehrux jivvutaw għar-rikonferma ta’ Bernard Grech bħala kap tal-Partit Nazzjonalista.
Blog post minn Hermann Farrugia
Mela wara xahrejn sħaħ mir-riżultat deludenti tal-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, wieħed kien jistenna li d-deputati kollha dehru jivvutaw għall-elezzjoni tal-ħatra tal-kap tal-Partit. Imma numru ta’ deputati ma dehrux jew taw xi prominenza għal din l-elezzjoni. Għal dawn id-deputati u anki oħrajn li marru jivvutaw kollox kien lest f’dan il-‘konkors għal kap tal-partit’ li tabilħaqq ma kienx konkors san ħafna. Anqas ma spiċċa wieħed spontanju u intrinsikament liberu. Dan fatt sagrosant li ħadd ma jista’ jasal jikkontestah jew jiċħdu u r-raġuni essenzjali li tispjegah hija waħda ċara u tonda: il-kap tal-Partit Nazzjonalista sfiduċjat minn 55 fil-mija tal-elettorat Malti u Għawdxi, egoistikament għażel li jibqa’ iżomm f’idejh ir-riedni bħala kap inkumbenti. Dan sabiex jippermitti li r-rwol statutorju privileġġjat tiegħu jiżen drastikament u mill-A saż-Ż fuq il-proċedura elettorali kollha tal-partit.
Ir-riżultat kien ampjament previst għax il-konkors tal-elezzjoni għal kap lanqas ma sarraf f’tiġrija klassika bejn il-famuż fenek u l-illustri fekruna. Konxjament u bil-barka tal-Kunsill Amministrattiv, hekk kif din ġiet ratifikata mill-approvazzjoni tal-Kumitat Esekuttiv u sussegwentement l-inkinar tal-Kummissjoni Elettorali, Bernard Grech irnexxilu jimmodera u jittrasforma ‘l-elezzjoni GĦAL KAP’ hekk kif dettaljatament stipulata mill-istatut tal-Partit u minflok żnaturaha billi irrendiha f’espressjoni semplići ta’ ‘KONFERMA TAL-KAP ‘. Ħaġa naturali allura li n-natura tar-riżultat aħħari kienet konklużjoni deċidament magħrufa minn qabel.
Huwa f’dan il-kuntest, li nhar is-Sibt li għadda, xi membri parlamentari stabiliti iżda diżillużi bl-aġir tal-kap tal-partit ma dehrux għall-vot inkluż xi ex-heavyweights. Kien sinifikanti li 10 fil-mija mill-1546 Kunsilliera kienu assenti għall-votazzjoni probabbilment għax ma xtaqux jiġu assoċjati ma’ parodija elettorali interna ta’ din ix-xorta.