Joe Giglio jerġa’ jidħol fil-lobgħa biex isir viċi-kap

Kulħadd jiftakar il-promessa li kien għamel Bernard Grech li jrid mara bħala waħda mill-viċi-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista. Din kien qalha waqt il-kampanja elettorali biex isir kap fl-2020.  F’dak il-perjodu kellu f’moħħu lil Claudette Buttigieg. Magħha kien jissemma Ryan Callus. Anki jekk ma saretx, xorta l-isem baqa’ hemm. Imma minħabba l-performance elettorali, Claudette Buttigieg kellha titwarrab jew aħjar tintrema fil-ġenb għax skont Bernard Grech kien jaħsibha aktar populari milli fil-fatt hi.

Sadanittant fit-tielet sular tal-Partit Nazzjonalista bdew jaraw lil min ser jagħmlu viċi-kap. Ikun f’dan l-istadju li l-ewwel jissemma’ Joe Giglio, imma l-isem tiegħu twarrab għaliex bdew jissemmgħu żewġ nisa. F’dan is-sit kont tajt ħjiel ta’ dan. Imbagħad il-media ħarġet isem ta’ waħda minnhom Janice Chetcuti. Imma jidher li din kellha titwarrab għaliex l-isem ħareġ. Kien hemm mara oħra li l-isem ma ħariġx. Din hija Rebekkah Cilia. Imma din inħarqet ukoll minħabba dik il-famuża sentenza tal-qorti. Ikun waqt dan il-mument meta l-isem ta’ Rebekkah Cilia beda jdur fil-kurituri tad-dar Ċentrali li ħarġet l-istorja dwarha fil-Malta Today.

F’dan l-istadju, l-attenzjoni iddur fuq kandidati irġiel. Kif ħabbar dan is-sit il-Ħadd, l-attenzjoni waqgħet fuq Ivan J. Bartolo tas-6 pm. Imma din tidher li ser tiġi mwarrba għaliex jidher li ma hux qed jitqies bħala affidabbli u fuq kollox qed jingħad li aħjar ma jkunx espost. Minfolk, qed jingħad li Bernard Grech identifika lil Ivan J. Bartolo biex ifassallu pjan kummerċjali bhala way forward.

Issa wara l-falliment ta’ dawn it-tentattivi kollha, jidher li l-Partit Nazzjonalista ser ikollu jerġa’ jdur għan-nomina ta’ Joe Giglio biex isir Viċi kap. Issa kien issemma’ imma kien ġie skartat.

Sadanittant dawn il-pjanijiet ta’ Bernard Grech qed jeskludu għal kollox lill-viċi kap eżistenti David Agius li minkejja l-isforzi kollha tiegħu u d-daħq sfurzat, jiemu bħala viċi-kap huma magħduda. Hu fatt magħruf li Bernard Grech ma jafdah f’xejn, tant li saħansitra fuq id-distrett elettorali, il-magna tal-partit kellha f’moħħha żewġ kandidati ġodda bil-għan li David Agius jibqa’ l-art. Kien għalhekk li ntgħażel bħala viċi-speaker, biex jitwarrab b’mod pulit mill-pożizzjoni ta’ viċi-kap.

One thought on “Joe Giglio jerġa’ jidħol fil-lobgħa biex isir viċi-kap

  1. Bernard Grech juzak u jarmiek. Ghalih kulhadd hu a disposable commodity. Nibqa skantat kif Bernard mhu lejlali lejn hadd hlief lejh in-nifsu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *