Minflok imur għar-rikonċiljazzjoni, Bernard Grech imur għal aktar gwerer interni fil-Partit Nazzjonalista

Minn Osservatur Politiku

Bernard Grech tantx tgħajjat vittorja. Tantx tkun kuntent. Tantx tgħajjat rebħa kbira. Għandek 440 kunsillier li ma jħarsux lejk b’ottimiżmu. Dan in-numru ta’ kunsilliera qalulek li ma għandhomx fiduċja fik. Hemm biċċiet minnhom li tlifthom għal dejjem. Hemm oħrajn li trid taħdem ħafna biex jaslu biex jaċċettawk. Tibqax toħlom issa. Hawn mhux qed nitkellmu dwar kunsilliera li ma humiex warajk għax ta’ Delia. Hawn qed nitkellmu fuq kunsilliera li ma għadhomx warajk u dawn huma tiegħek.

Għalhekk, issa għandek problema akbar. Issa għandek it-telfa fl-elezzjoni ġenerali li ser tkun ittimbrata fuq moħħok kull fejn tmur u kull fejn tidher u għandek ukoll kunsilliera li huma tiegħek u li qalulek le. Kważi 30% qed jgħidulek li għadhom ma aċċettawkx u ser ikun diffiċli biex tikkonvinċihom. Imma trid tiftakar li lil dawn in-nies, jekk ma kellekx bżonnhom illum ser ikollok bżonnhom għada.

L-elezzjonijiet tal-Ewropa u tal-Kunsilli Lokali mhumiex il-bogħod, anzi ngħid li huma wara l-bieb. Jekk mingħalik li ser tmur għal dawn l-elezzjonijiet b’440 kunsillier kontra tiegħek qed toħlom b’għajnejk miftuħin. Mela qabel tifraħ ibda ara x’ser tagħmel biex tiġbed lura lil tal-familja tiegħek l-ewwel u wara tibda’ timmaġina x’ser tagħmel u ma tagħmilx biex ittejjeb ir-riżultati tal-elezzjonijiet li ġejjin. Minflok mort għar-rikonċiljazzjoni mort tgħajjar lil dawk li ma jaqblux miegħek!

Kif tħabbar ir-riżultat mill-ewwel urejt kif ser tmexxi u kif ser tħares lejn in-Nazzjonalisti li trid minnhom. B’leħen għoli, li ma jixraqx meta tkun qed tindirizza lil tal-familja li suppost għadhom kif tawk rebħa, għidt li “l-individwaliżżmu jieqaf”. Donnok trid tgħid xi ħaġa. Jiġifieri dawk in-Nazzjonalisti li għandhom dritt għall-opinjoni tagħhom ma jistgħux jesprimuha għax ikun qed iressqu messaġġ individwalistiku u dak ikun diskors li lilek ma jogħoġbokx.

Forsi qed tgħid għalina li niktbu fuq dan is-sit. Kun af li dment li l-Professur Mercieca jagħtina l-ispazju aħna ser nibqgħu għassa tiegħek, ta’ kull ma tgħid u ta’ kull ma tagħmel. Fid-diskors tiegħek ta’ wara l-vot, int ukoll għaddejt kummenti indirizzati lil dawk li ma vvutawlekx jew li għadhom ma jaqblux miegħek. Int mingħajr tlaqliq għidt “rebħet l-imħabba fuq il-mibgħeda, l-verita’ fuq il-gideb”. Kemm qiegħdin sewwa.

Mela minn dak li tgħid int biss toħroġ l-imħabba. Dak li tgħid int fih biss verita’. Għajjart lil min jikkritikak li hu mimli bil-mibgħeda. U għidltu wkoll li min ma vvutalekx iħaddan il-gideb. Għax issa wasalna fi stat li dak li tgħid int inqisuh bħala tixrid tal-imħabba. Jew dak li tgħid int huwa mibni fuq il-verita’. Xi żball għandek Dr Grech. Ma għandek ebda privileġġ li dak li tgħid int huwa biss il-verita’. Int uman u tista’ tiżbalja u għad-direttura tigdeb. Mela ma għandekx għalfejn taqa’ daqshekk fil-baxx li tindirizza lil min ma takx il-vot bħala nies mimlijin mibgħeda u nies li jużaw il-gideb.

Forsi issa li akkwistajt dak li ridt, ser tibda turina verament x’issarraf u forsi se tibda’ turina ‘your true colours’.

One thought on “Minflok imur għar-rikonċiljazzjoni, Bernard Grech imur għal aktar gwerer interni fil-Partit Nazzjonalista

  1. Li tizra tahsad. Bis- supervja Bernard Grech se jkompli ikisser partit. Elezzjoni tasal. U jerga jiehu risposta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *