Isma lil Bernard Grech stess jgħid għala jrid vot b’saħħtu biex jkun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn
Minn qarrej ta’ dan il-blog
Qiesu fil-Partit Nazzjonalista kollox qed isir bil-kontra ta’ dak li hu n-norma. Il-Partit Nazzjonalista sar qiesu stat għalih, bil-liġijiet u r-regoli tiegħu li numru minnhom imorru saħansitra il-kontra, oppost li jsir kemm ġo pajjiżna kif ukoll fi-pajjiżi demokratiċi. Regoli u liġijiet li l-Partit Nazzjonalista jilgħab bihom skont l-esiġenzi tiegħu fil-mument, li saħansitra jistgħu jinqalbu skont il-bżonn.
Nista’ nsemmi ftit eżempji mill-ħafna li hemm. Fl-2017, it-tesserati vvuttaw għal kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, eżerċizju wiesa’ u demokratiku li kien sar għall-ewwel darba fil-pajjiż. Imma, għax nukleju żgħir ma għoġobhomx ir-riżultat, għax ma kienx dak li riedu huma, baqgħu sakemm għaddiet ta’ rashom u tajru lill-kap elett.
Il-Partit Nazzjonalista għadu kemm ġarrab telfa kbira fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, telfa b’marġni ikbar minn dik ta’ qabilha. Imma, flok il-kap assuma r-responsabilita’ tat-telfa u rriżenja, kif suppost isir, kemm f’Malta u kemm madwar id-dinja kollha, il-kap Dr Bernard Grech ħareġ jgħid li ser jitlob mandat aktar b’saħħtu biex jibqa’ kap u jkompli l-programm tiegħu.
Smajna kif lejliet l-elezzjoni, il-Kummissjoni Elettorali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bidlet ir-regoli ta’ kif wieħed jista’ jivvota biex tgħinu jikseb dan il-mandat b’saħħtu. F’daqqa waħda, wieħed jista’ jivvota “by proxy”. Jekk din il-bidla ġietx approvata mill-amministrattiv, kif suppost, dan, ma nafux! Dak li nafu fiċ-ċert huwa li qatt ma ġiet diskussa fl-Esekuttiv.
Ma ssemma xejn dwar is-sigurta u l-ħarsien tal-voti mitfugħa. Punt li qed iqajjem id-dubji jekk il-voti mitfugħa jistgħux jispiċċaw mbgħabsa.
Smajna lill-kap tal Kummissjoni Elettorali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista iħeġġeġ lill-kunsilliera jivvutaw lill-kap sedenti!
Illum qrajna ukoll li qed jitħallew jittieħdu r-ritratti tal-voti.
Imma minn din elezzjoni l-ikbar punt perikoluż għalija hi d-dikjarazzjoni li Dr Bernard Grech qed jagħmel. Din hi u nikkwota u nġib is-silta, “B’Vot B’Saħħtu Se Nkun Qed Nieħu Deċiżjonijiet Li Hemm Bżonn B’Kuraġġ”.
Għaliex perikoluża? Għaliex ħadd ma jaf x’huma dawn id-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Ħadd ma jaf x’jinvolvu. Nistaqsi, tkeċċija ta’ xi persuni politiċi? Tkeċċija ta xi ħaddiema? Tibdil fl-ideoloġija tal-Partit Nazzjonalista? Bejgħ ta’ propjetajiet? Etċ, Etċ, Etċ. In-norma hi li wieħed jippublika il programm elettorali qabel elezzjoni, biex il-votant ikun infurmat għal xiex ser jivvota. Imma hawn, le. Hawn il-kunsilliera qed jintalbu biex jivvutaw fid-dlam. Dlam ta’ x’ser ikun il-ġejjieni tal-Partit Nazzjonalista.
Jekk Dr Bernard Grech jiġi elett, fil-Partit Nazzjonalista jistgħu jkunu ttieħdu deċiżjonijiet li wara dawn ikunu irriversibbli. Jistgħu jkunu deċiżjonijiet li ssarrfu jekk il-Partit Nazzjonalista jibqax partit politiku bħal ma kien jew le. Deċiżjonijiet li l-Partit Nazzjonalista jista’ jitlef l-assi li ma jkun jista’ jerġa jirkuprahom qatt.
Din hi biss politika ta’ stil Stalinjan. U żgur mhix politika demokratika. Mhux ta’ b’xejn li għal dawn l-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista qed jidher dejjem aktar anti-demokratiku.
Sliem.