Bernard Grech qala’ ċamata fuq id-dejn tal-Partit Nazzjonalista mingħand l-MEP Sophie In’t Veld
Minn osservatur politiku
L-Ingliż jgħid ‘it will come back to haunt you’. Hekk ġralu Bernard Grech meta iċ-‘Chairperson of the Rule of Law Working Group’ tal-Unjoni Ewropea, għaddiet kumment b’referenza għal dak li qal Bernard Grech meta ddikjara l-ammont ta’ dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista. Sophie In’t Veld qalet il-partiti politiċi f’Malta, speċjalment il-Partit Nazzjonalista għax hu dikjarat mill-Kap tiegħu, għandhom djun li huma għaxar darbiet aktar mill-budget ta’ partit politiku fin-Netherlands. Sophie In’t Veld ma tkellimtx direttament għall-Partit Nazzjonalista imma għaż-żewġ partiti ewlenin, imma jien f’dan il-kummentarju jinteressani mill-Partit Nazzjonalista. Għalhekk ser inkun qed nitkellem fuqu.
Hija qalet li hi mħassba sewwa fuq dan is-suġġett. Dan il-kumment għamlitu wara żjara f’pajjiżna f’dawn l-aħħar ġranet biex jiġi magħruf x’progress sar fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-saltna tad-dritt. Hija qalet li dawn id-djun iridu jkunu ndirizzati kemm jista’ jkun malajr.
Araw x’qed tistaqsi din l-MEP u għaliex qed ngħidu li l-paroli żejjed li qal Bernard Grech ser jibqa’ jiġri warajh. Hija qalet hekk u qed nislet din il-kwotazzjoni mill-Malta Today.
“In any political system, a party should be extremely worried if it has tens of millions of debt. You wonder to whom it has these debts. It influences the course of the party. Do you still remain fully independent? We’re talking about amounts that are tenfold the budget of my political party in my home country”.
La Bernard Grech paċpaċ żejjed, din l-MEP qed tistaqsi u kważi tinsinwa li huwa importanti li tkun taf ma’ min hu dan id-dejn kollu. Qed titkellem fuq għexieren ta’ miljuni mela żgur ir-referenza hija lejn il-Partit Nazzjonalista. U dan kollu grazzi għal Bernard Grech. Ma’ min ikollok id-dejn jinfluwenzalek l-andament tal-partit, stqarret l-MEP.
Fil-fatt staqsiet li meta jkollok dan il-kwalita’ ta’ dejn, il-partit jista’ jibqa’ indipendenti? Nispera li bħal ma beżaqha Bernard Grech issa jindenja ruħu jirrispondiha lil din l-MEP. Kemm il-paroli żejjed idaħħal flieles fl-imħuħ konċernati. Bernard Grech missu kien attent biżżejjed li meta kixef idejh dwar id-dejn tal-Partit Nazzjonalista, dan ser iqajjem l-irwiefen kontra tiegħu.
Issa għadu kif kien infurmat li l-Unjoni Ewropea hija ukoll infurmata dwar id-dejn li għandu l-partit. Issa jrid jara kif ser jirrispondi meta jiġi mistoqsi dwar id-dejn akkumulat u dak li għamel hu. Nispera li kemm hu kif ukoll min tah il-parir li jikxef, anzi jikkonferma, dan id-dejn jidħlu daqsxejn f’koxrithom u janalizzaw il-ħsara li saret meta qalu dak id-diskors. Għalkemm kienet xi ħaġa li kien ilna nitkellmu dwarha, qatt ma ġiet ikkonfermata u kellu jkun Bernard Grech li kixef għawwaru u ħoloq inkwiet mhux biss fuq livell nazzjonali imma issa anke fuq livell Ewropew. U dan kollu sar, biex idawwar l-attenzjoni minn fuqu, wara li kkawża telfa bħal dik elettorali, għal fuq il-Partit Nazzjonalista.