Wara l-kritika minn dan is-sit, Bernard Grech ibiddel id-diska dwar il-bejgħ tal-każini: issa jgħid li ser jimmassimilizzahom

Blog post minn Osservatur Politiku

Dr Bernard Grech kien intervistat minn Dione Borg. It-tema prinċipali ta’ din l-intervista kienet id-deċiżjonijiet li l-partit irid jieħu biex jissaħħaħ. Dr Grech qalilna li hu qed jerġa’ jikkontesta għal kap għax “dak li dħalt biex nagħmel fl-2020 għadu mhux komplut”. Biss l-aktar ħaġa importanti li ried jagħmel il-partit kienet dik li jerbaħ l-elezzjoni. Ir-riżultat kulħadd jafu. Allura jrid jibqa’ Kap biex jerġa’ jagħti lill-Partit Nazzjonalista xi tkaxkira akbar milli ħa ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-ħidma politika kienet waħda mill-affarijiet li l-Partit Nazzjonalista jrid jara li jkompli jsaħħaħ fix-xogħol tiegħu. Din żgur li mhix deċiżjoni li jrid jieħu l-Partit Nazzjonalista għax jekk taqta’ l-ħidma politika minn partit politiku, allura dan ikun jista’ jagħlaq il-bibien u ma jibqax jissejjaħ partit politiku.

Bernard Grech qal ukoll li hu għadu hemm għax diġa’ kiber diversi frott li l-Partit Nazzjonalista beda jaqta’ minnu. Hawnhekk semma r-riġenerazzjoni tal-Partit. Donnu li Bernard Grech ma għandu xejn pożittiv x’isemmi iżjed (kemm ilu kap) ħlief dak li wettaq il-votant Nazzjonalista li għamel ħiltu biex jagħti s-siġġu lill-kandidati ġodda. Imma dan mhux frott tal-kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa l-frott ta’ dawk in-Nazzjonalisti ġenwini li kkritikaw kemm felħu lil dawk li għamlu tant ħsara lill-Partit Nazzjonalista bir-rewwixti tagħhom, b’tali mod li ħafna minnhom baqgħu l-art jew marru ħażin ħafna.

Dr Grech tkellem ukoll fuq ir-riġenerazzjoni għax, trid jew ma tridx, kienet l-unika ħaġa pożittiva li ħarġet mill-elezzjoni ġenerali li għadha kif għaddiet. Imma Bernard Grech tkellem fuq dan is-suċċess qiesu għamlu hu, għax qed jieħu l-preġju hu għal dak li għamel il-votant.

Qalilna ukoll waqt l-intervista li issa għandu taħlita ta’ esperjenza ma’ diversi ġodda. Hawn wieħed jistaqsi, allura kif tista’ tispjega Dr Grech għaliex ħallejt barra mil-lista tal-kelliema tiegħek, lill-aktar tlieta li għandhom esperjenza fi grupp parlamentari? Kif qed tħallat l-esperjenza mal-ġdid, meta tajt l-esperjenza bis-sieq?

Xi ħaġa oħra li issa saret moda, u daħlet f’ħalq kulħadd hija li ser isolvi l-problema tal-finanzi tal-partit, xi ħaġa ta’ tefagħha taħt spotlight hu. Waqt l-intervista u forsi għax qegħdin lejlet elezzjoni, ma qalx li ser ibiegħ il-każini imma li se jimmassimizzhom. Għaliex kien hemm dan il-kambjament fil-ħsieb ta’ Dr Grech? Tgħid kemm ilu jdur il-kumitati qala’ xi diksata tajba minn għand il-kunsilliera jew it-tesserati u allura jaqbillu jdawwar ftit kliemu biex forsi jiġi kkonfermat? Dan jikkonferma li l-kritika li qed jagħmel dan is-sit hija waħda ġusta.

Dan il-logħob bid-diskors ma jawgura tajjeb xejn anzi għal kuntrarju jagħti ndikazzjonjiet totalment ħżiena. Imma għal darba oħra smajna ħafna diskors u risposti għall-mistoqsijiet, imma meta ġejna għall-fatti, xorta bqajna b’xiber imnieħer. Dan għaliex Bernard Grech ma semma ebda deċiżjoni li lest li jieħu. Reġa’ ma lissinx kelma dwar il-pjan li għandu ta’ kif ser isaħħaħ il-Partit Nazzjonalista. Kif jgħid il-Malti, lagħab bid-diskors għall-gallarija.

Issa f’idejn il-kunsilliera jekk humiex lesti li jafdaw lil Bernard Grech u n-nuqqas ta’ viżjoni tiegħu. Huma l-kunsilliera li għandhom f’idejhom id-destin tal-Partit Nazzjonalista. Huma l-kunsilliera li jridu jiddeċidu jekk iħallux kollox f’idejn Bernard Grech, jew ma jikkonfermawhx u jiftħu l-bieb għal nies ġodda li jistgħu juru interess meta ma jkun hemm ħadd li qed jokkupa l-kariga.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *