Għaliex il-Laburisti jaqblu mal-għażla ta’ Bernard Grech bħala kap tal-Partit Nazzjonalista
Minn Osservatur Politiku
F’dan il-post qasir nixtieq inġib ir-raġunijiet għala l-Laburisti illum qed jagħmlu kuraġġ lill-kunsilliera Nazzjonalisti biex jivvutaw lil Bernard Grech. Dan li ser ikun qed ngħid ma vvitajtux jiena imma huwa l-frott ta’ ħafna Laburisti li jikkumentaw fil-grupp tiegħek, Simon Mercieca, fuq Facebook.
Il-Laburisti kollha jaqblu li l-kunsilliera għandhom id-dritt jivvutaw għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Anzi huma qed iħeġġuhom biex imorru jivvutaw bil-qalb u jikkonfermaw jew jeleġġu lil Bernard Grech bħala Kap. Ta’ dan qed jgħidulhom grazzi bil-quddiem għaliex jafu li Bernard Grech huwa l-ikbar asset li għandu l-Partit Laburista.
Sal-lum, il-Laburisti għadhom ifakkru lin-Nazzjonalisti dwar dak li kien qal li hu jistħi jgħid li hu Malti u jippreferi jgħid li hu Grieg. Anzi jħobbu jgħidu li dan hu Kap li jsejjaħ lilu nnifsu Grieg meta jaqbillu. Ma jeżisti l-ebda kap ta’ Partit fid-dinja li jiċħad lill-pajjiżu kull darba li jirfes għatba barranija. Ma jeżisti ħadd li jkun idoneu li jkun kap ħlief Bernard Grech li mhux lest jaħli ħin jiddefendi lil pajjiżu allura isejjaħ lilu nnifsu Grieg għax jistħi jgħid li hu Malti.
Għalhekk il-Laburisti jaqblu li l-kunsilliera għandhom jivvutawlu bil-qalb biex ikunu ċerti li jgħinu lill-Partit Laburista biex jerbaħ l-elezzjonijiet li jmiss. Għalhekk il-Laburisti qed jinkoraġġixxu lill-kunsilliera biex jivvutaw lil xi ħadd li għamel snin twal jevadi t-taxxa. Jivvutaw lil Bernard Grech li bħala avukat iddikjara qligħ ta’ sitt elef euro fis-sena. B’hekk ikunu jistgħu jżommu l-kanuni kollha miftuħa fuqu.
Jekk minflok Bernard Grech jitla’ xi ħadd nadif ma jkollhomx fuq xix jattakkaw. Imma jekk il-Kunsilliera iżommu lil Bernard Grech b’mod dirett qed iżommu wkoll lill-votanti Laburisti ferħana ħalli jkomplu jaqlagħlu lil Bernard Grech. B’hekk meta qed ikunu jivvutaw lil Bernard Grech, ikunu qed jgħinu ħafna lill-Partit Laburista għax huwa bniedem li jinsa x’ikun qal siegħat jew ġranet qabel.
La huwa bniedem li jibdel ħsiebu daqshekk, ikun ta’ ġid ħafna għall-Partit Laburista għaliex ikollu fuq xix jiikkritikah dwar it-tibdil u t-tidwir fi kliemu. Kien ta’ ġid għall-Partit Laburista meta ddikjara pożizzjoni fuq il-cannabis imbagħad kellu jibla ilsienu meta mar quddiem il-grupp parlamentari tiegħu.
Għalhekk inħoss li l-Laburisti qed jogħxew u jieħdu gost li numru ta’ uffiċjali, inkluż Peter Fenech qed jitolbu lill-Kunsilliera kollha biex joħorġu jivvutaw, għax dan huwa mod tajjeb ħafna ta’ kif jiżdiedu l-voti lill-Partit Laburista.
Wieħed illum irid jiftakar li l-elezzjonijiet f’Malta qed jitmexxew fuq il-mudell u stil presidenzjali. B’hekk l-għażla ma hix bejn il-Partit Nazzjonalista u dak Laburista, imma bejn Bernard Grech u Robert Abela. Il-Laburisti ċerti li b’Bernard Grech, għandhom rebħa ggarantita. Jekk il-kunsilliera jieħdu d-deċiżjoni li ma jivvutawlux u b’hekk ikollu jinbidel, ma jibqgħux żguri li l-Partit Laburista jista’ jagħmilha fl-elezzjoni li ġejja.
B’Bernard Grech bħala Kap, il-Partit Laburista u l-partitarji tiegħu għandhom ċ-ċertezza ta’ rebħa mingħajr ħafna tqanżiħ u mingħajr ma jimpenjaw rwieħhom ħafna.