Manuvri kbar fil-Partit Nazzjonalista biex joħorġu lill-kunsilliera jivvutaw

Bħalissa qegħdin għaddejjin manuvri kbar fil-Partit Nazzjonalista biex il-kunsilliera joħorġu jivvutaw. Dan qed joħroġ ċar kemm minn dawk li qal iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Fenech u anki minn dak li qed jiktbu uffiċjali tal-Partit. Kollha qed iħeġġu biex il-kunsilliera joħorġu jivvutaw.

Araw x’qalilna wieħed mill-benjamini ta’ Bernard Grech. Dan kitbu wara li lbieraħ, Illum ippubblikat storja li d-dejn taħt Bernard Grech żdied bi tmien miljuni. Envin Bartolo kiteb post biex jipporva jgħatti xtur il-kap tiegħu dwar id-dejn li akkumula matul it-tmintax-il xahar li ilu kap tal-Partit Nazzjonalista. Min-naħa tiegħu, Bartolo waħħal fil-Partit Laburista u qal li dak li kitbet l-Illum huwa biss manuvri min-naħa tal-Lejber. Huwa qal hekk:

L-artiklu ta’ ILLUM dwar id-dejn tal-Partit Nazzjonalista hu prova ċara ta’ kemm il-Partit Laburista għaddej b’manuvri u bi pjan biex il-Kap Dr. Bernard Grech ma jiksibx mandat qawwi mill-Kunsilliera u allura ma jkunx jista’ jindirizza l-problema tad-dejn u jwettaq ir-riformi meħtieġa li bihom il-Partit, li aħna lkoll tant inħobbu, jissaħħaħ. Għada hemm il-votazzjoni bikrija u l-vot ikompli l-Ġimgħa 27 u s-Sibt 28 ta’ Mejju. Ejjew nagħtu risposta lill-Labour u nagħmluhiehom ċara li l-Agenda tal-Partit tagħna infassluha u nimplimentawha aħna. Dan nistgħu nagħmluh biss b’VOT QAWWI FAVUR IL-KAP DR. BERNARD GRECH.

Wieħed irid jgħid li ilha issir kritika dwar id-dejn tal-Partit Nazzjonalista imma, għaliex issa qiegħdin lejlet elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-benjamini ta’ Bernard Grech qed jinkwetaw. Issa qed jagħtuhom fastidju l-artikli li jikxfu għawwar Dr Bernard Grech u n-nuqqas ta’ trasparenza tiegħu.

Infakkar li kien Bernard Grech innifsu li kixef kemm hu d-dejn tal-Partit Nazzjonalista. Issa jidher li l-anqas din ma hija ċ-ċifra eżatta għaliex dan id-dejn jidher li huwa ħafna ikbar minn dak iddikkjarat.

Dak li qed jinkwieta lill-kunsilliera huwa l-fatt li l-istess Bernard Grech mhux qed ikun trasparenti biżżejjed magħhom u jgħidilhom il-verita eżatt kif inhi. Dr Grech qed jirrejalizza li meta kixef id-dejn tal-Partit Nazzjonalista kien żball li se tibqa’ tiġri warajh għal tul ta’ żmien, għaliex issa irid joqgħod attent kif ser jimmanuvra u jżomm kalmi lil dawk kollha li għandhom jieħdu xi flejjes mingħand il-Partit Nazzjonalista.

Imma jekk hemm persuna li żgur ma jistax jitkellem fuq l-fatt li l-aġenda fil-Partit Nazzjonalista jagħmilha l-istess partit, huwa Envin Bartolo. Infakkar li Envin Bartolo ħadem kemm felaħ biex tajjar lill-Kap tiegħu fl-2019 u fl-2020. Ara hemm ma qagħadx fuq l-agenda tal-Partit Nazzjonalista.

Infakkru li Envin Bartolo kien wieħed minn dawk il-ħamsa li fl-2019 marru quddiem id-Dar Ċentrali biex resqu petizzjoni għal vot ta’ sfiduċja fil-kap tagħhom. Hu kien akkumpanja lil Ivan Bartolo (tas-6 pm) u lil Mark Anthony Sammut fost oħrajn u ġabru l-firem biex iressqu mozzjoni ta’ sfiduċja. Għal Bartolo ma sewietx dik il-votazzjoni li biha Delia sar kap għax xorta baqa’ jitħabat biex itajjar lill-kap tiegħu sena wara.

Infakkar lil Bartolo li l-bejgħ tal-każini llum hija fuq l-aġenda ta’ Bernard Grech. Nixtieq nisimgħu lis-Sur Bartolo jagħtina l-opinjoni tiegħu bħala membru tal-kumitat tal-Mellieħa, dwar il-possibilita’ li jinbiegħ il-każin tal-Mellieħa. Tgħid Envin Bartolo jieħu għalih jew joħodha bi kbira jekk jiġi deċiż li jinbiegħ il-każin li tant ilu jaħdem fih l-istess Bartolo? u jgħidilna li din hija tajba u ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *