Il-Kummissarju Peter Fenech qed juri li mhux imparzjali imma qed jagħti spallata lil Bernard Grech

Immaġinaw kieku l-Kummissarju Elettorali Prinċipali ftit siegħat qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Malta joħroġ jgħid lill-votanti Maltin u Għawdxin biex joħorġu jivvutaw. X’kien jiġri kieku fuq livell nazzjonali?

Issa x’ser jiġri fil-Partit Nazzjonalista meta skond il-gazzetta l-Mument, Peter Fenech, iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, appella u ħeġġeġ lill-Kunsilliera kollha eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni tal-kap. Imma dawn x’affarijiet huma? Dan mhux suppost joqgħod gallarija u jmexxi l-proċess neċessarju mingħajr ma jintervjeni f’xejn.

Il-pożizzjoni ta’ Peter Fenech suppost hija supra partes. Allaħares ġrat fi żmien Adrian Delia din għax kieku l-ġurnali kollha b’leħen wieħed ta’ kundanna. Jekk kulħadd kellu jitkellem u jitlob lill-kunsilliera biex jivvutaw żgur li ma kellux ikun iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali interna tal-istess partit. Lanqas qed jidher ċar li Peter Fenech qed jappoġġja lill-kap u qed jimbotta biex Bernard Grech ikollu appoġġ b’saħħtu.

Infatti dan mhux l-uniku messaġġ biex il-kunsilliera joħorġu jivvutaw. Anzi dan kien messaġġ biex benjamini oħra ta’ Bernard Grech joħorġu jgħidu biex mil-lum, il-kunsillier joħorġu jivvutaw. F’artikli separati tkellimt kif l-attivisti u bejnamin ta’ Bernard Grech, fost Envin Bartolo u Mario Ellul li qed iħeġġu lill-kunsilliera biex imorru jivvutaw. Jidher ċar li l-partitarji ta’ Bernard Grech qed jibżgħu li jkun hemm ħafna kunsilliera li jastjenew.

Infakkar li hemm ftit aktar minn 1,550 Kunsillier eliġibbli biex jivvutaw.

Fuq dan is-sit tkellimt ilbieraħ li hemm sostenituri tal-Partit Nazzjonalista li huma inkwetati li mhu ser ikun hemm ħadd li jissorvelja l-kaxxi meta l-post tal-votazzjoni jingħalaq bejn data u oħra.

Ma jafx Peter Fenech li l-astensjoni hija wkoll arma politika ta’ protesta? Mela jekk wieħed jastjeni u l-astensjoni tkun qawwija, din tkun interpretata bħala vot ta’ sfiduċja fil-kontestant waħdieni ta’ din l-elezzjoni.

Infakkar li hemm kandidat wieħed. Allura ma jkunx hemm rappreżentanti mhux marbuta mal-kandidat biex jissorveljawha. Issa anki ċ-Chairman qed juri l-kuluri tiegħu u jnaqqas mill-imparzjalita’ ta’ din l-elezzjoni. Suppost dawn is-sostenituri jserrħu rashom fuq il-kummissjoni elettorali. Imma meta u taqra tisma’ affarijiet bħal dawn, kull sostenitur jidħollu d-dubju. Jekk iċ-Chairman qed iħeġġeġ għal vot qawwi, x’jibqa’ fik?

One thought on “Il-Kummissarju Peter Fenech qed juri li mhux imparzjali imma qed jagħti spallata lil Bernard Grech

  1. Dr Peter Fenech ma jafx bhala avukat li l-fatt li tibqa id-dar u ma tmurx tivvota hu mhux biss dritt ta’ kull kunsillier imma wkoll min ma jivvutax ikun qed iwassal messagg. Li tastjeni f’elezzjoni hu messagg fih in-nifsu. Tinsewx li anki fil-kummissjoni elettorali tal-PN hemm is swaba mohbija tal-qarnita. Jekk niftakkar sew Dr Peter Fenech hu l-benjamin ta’ Louis Galea..

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *