Il-Partit Nazzjonalista jrid jassigura l-membri tiegħu li l-elezzjoni tal-kap ser tkun waħda nadifa

Dan is-sit kien ikkuntattjat minn numru ta’ kunsilliera li wrew it-tħassib tagħhom kemm din l-elezzjoni tal-kap ser tkun waħda nadifa. Minbarra li hija fuq jumejn, ma hemmx il-counterbalances li wieħed jistenna f’dawn it-tip ta’ elezzjonijiet. Wieħed irid jiftakar li Bernard Grech ser itellaq waħdu. Normalment, meta jkun hemm aktar minn persuna waħda fit-tellieqa, in-nies ta’ kull kandidat jassiguraw u jgħassu biex il-proċess ikun wieħed nadif. Din id-darba, hemm persuna waħda biss. Mela ser ikun hemm biss in-nies tiegħu jgħassu fuq il-proċess elettorali. Ma hu ser ikun hemm ħadd minn naħa apposta li jara li dan il-proċess ikun nadif, ppropju għaliex ma hemm l-ebda kandidat ieħor.

Wieħed jista’ jgħid li hemm l-apparat amministrattiv biex jara u jassigura proċess nadif. Imma illum għandna sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista fejn l-apparat amministrattiv, jiġifieri l-persuni kollha appuntati fuq il-kumitati interni tal-partit, huma kollha nies ta’ Bernard Grech. F’dawn is-sentejn, Bernard Grech ħa ħsieb li jimla l-postijiet kollha – key positions u mhux biss – bin-nies tiegħu. Dan in-nuqqas ta’ counter balance qed iġib tħassib fost in-Nazzjonalisti, inkluż kunsilliera għaliex mhux qed jiggarantixxi proċess li fih tidher it-trasparenza u s-serjeta’.

Imbagħad hemm il-fatt li ser ikun hemm anki early voting. Ċertu kunsilliera għandhom il-biża li jista’ jkun hemm il-ftuħ tal-kaxxi u t-tbagħbis tal-vot. F’dan il-kuntest, għandu jingħata ċ-ċans li membri magħżula minn fost il-kunsilliera u li mhux mitqiesha ta’ Bernard Grech jkunu parti minn dan il-proċess elettorali u jaraw u jissorvelljaw fuq il-kaxxi ssiġillati.

Xi kunsilliera qegħdin jikkonsidraw li ma jmorrux jivvota fl-early voting li ser isir, il-Ġimgħa, is-Sibt, jew it-Tnejn. Ir-raġuni hija validissima. Għaliex qed jibżgħu li jista’ jkun hemm it-tbagħbis. L-argument hawn huwa li Bernard Grech qed jibża li ma jkollux vot b’saħħtu jew agħar li ma jiġix approvat, u b’hekk jistgħu jinfetħu l-kaxxi matul il-lejl u l-voti kontra jibdluhom ma’ voti favur biex jassiguraw li jgħaddi b’vot b’saħħtu.

Waqt li dawn l-affarijiet ġraw fil-passat – wieħed kull ma għandu jiftakar hija l-kontroversja dwar l-għażla ta’ Alfred Sant fejn kien hemm allegazzjoni serja ta’ vote stuffing, dan jista’ jiġri llum. Għalhekk f’dan l-artiklu għamilt emfasi li din mhix xi tellieqa bejn tnejn u għalhekk ma hemmx rappreżentanti minn fazzjonijiet jew kandidati opposti biex jissolverjaw is-siġillar tal-kaxxi.

Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista qed jibgħat ittra personaliżżata lill-kunsilliera tiegħu dwar din l-elezzjoni. F’din l-ittra, il-kunsilliera qed ikunu infurmati dwar l-elezzjoni tal-kap. Qed jingħad lilhom li din ser tkun one horse race, għaliex hemm kandidat wieħed, li hu Bernard Grech. Fiha qed jingħataw anki, kif mistenni d-dati tal-elezzjoni.

U qed ikunu nfurmati li ser ikun hemm votazzjoni bikrija.

F’din l-ittra qed jingħad lill-kunsilliera, li Randolph Marmara huwa l-persuna ta’ kuntatt għal dawk il-kunsilliera li għandhom xi diffikulta dwar din l-elezzjoni.

Meta wieħed iqis li f’din l-elezzjoni ser jivvutaw ftit aktar minn elf ruħ, wieħed jinduna li hemm ħafna ġranet tal-elezzjoni u dan qed ikompli jagħti ħafna tħassib għaliex dawn il-ħafna ġranet qed iżidu l-ispazju għall-abbuż.

Fuq kollox, ser ikun hemm votazzjonijiet f’Malta u anki f’Għawdex matul dawn il-granet kollha. Dan ikompli jkabbar il-problemi marbuta mal-issorveljar tal-kaxxi tal-voti.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *