Dawk li investew fiċ-ċedoli jinsabu inkwetati li mhux ser jieħdu flushom lura
Dan is-sit ġie kkuntattjat minn persuni Nazzjonalisti fejn talbuni nstaqsi jekk hux veru li dawk li investew fiċ-ċedoli tal-PN għandhom ċans jibqgħu mingħajr ma jieħdu flushom lura.
Dan seħħ wara li ftit tal-ġimgħat ilu, Bernard Grech żvela li d-dejn tal-PN huwa ta’ 32 miljun euro. Fuq kollox, matul it-tmexxija tiegħu, dan id-dejn ma trażżanx anzi kompla tiela’ u jidher li fi żmien sentejn żdied b’seba’ miljun euro.
Nafu li hemm ċedoli li waslu biex jagħlqu. Dawn ifissru miljuni li jridu jingħataw lura lil kull min għin lill-Partit Nazzjonalista, apparti l-interessi fuqhom.
Minn fejn ser jiġu dawn il-flus meta nafu li d-dejn għadu tiela’? Din hija mistoqsija li ħafna li għandhom dawn iċ-ċedoli qed jistaqsu. Ser issir xi ħaġa biex dawk li investew il-flus fil-Partit Nazzjonalista jingħataw flushom lura jew dawn ser jintalbu jistennew biex jieħdu flushom lura?
Infatti, qed ikun innutat, li wara li Bernard Grech qal din iċ-ċifra tad-dejn, kemm il-Partit Nazzjonalista u l-istess media bl-Ingliż li tagħtih is-support tagħha ma għadhiex titkellem fuq dan id-dejn. Dan qed isir apposta biex dawk li għandhom dawn iċ-ċedoli ma jippanikkjawx għaliex ir-riskju huwa, li dawn ser ikunu l-ewwel nies li mhux ser jitħallsu. Fuq kollox, din l-istqarrija xegħlet bozza ħamra sew mal-banek, fost mal-HSBC li l-managers tagħha huma fuq alert u qed issir pressjoni li jkun assigurat li dan il-bank jieħu flusu lura.
Tant kemm hu hekk li hemm persuni li qed jistaqsu x’ser jiġri miċ-ċedoli li jkun investa persuna li matul iż-żmien ġiet nieqsa? X’risposta qed tingħata lill-werrieta ta’ din l-istess persuni meta n-nutara jiktbu lill-Partit Nazzjonalista biex jinfurmaw li persuna mietet?
Nutar li avviċina dan is-sit qal li hu kellu każ. Kiteb lill-Partit Nazzjonalista imma ma ngħatax tweġiba. Kull persuna li investit fil-partit qed tirrikjedi li l-flus, jekk tiġi nieqsa, jgħaddu għand il-werrieta tagħha. X’qed tkun it-tweġiba tal-Partit Nazzjonalista meta tiġri xi storja bħal din?
Issa ħafna nazzjonalisti stess qed jgħidu li wara telfa bħal din, fejn fiha rajna infieq bl-addoċċ, il-Partit Nazzjonalista żgur ser jippretendi aktar flus mingħand il-partitarji waqt xi ġabra jew maratona ta’ ġbir ta’ fondi. Fuq kollox, dan is-sit kixef li saru ħafna ħlasijiet lill-Facebook u lill-Google. Dan minbarra ħlasijiet oħra bħal ma huma ħlasijiet tal-allowances li qed jieħu Bernard Grech.
Dan is-sit żvela li waqt il-laqgħat li qed ikollu Bernard Grech mal-kunsilliera bi tħejjija għall-elezzjoni tiegħu, hemm minnhom li qed jgħidulu li mhux ser jagħtu aktar flus lill-Partit Nazzjonalista. Hemm min qed jitlob rendikont ta’ fejn marru l-flus kemm ilu Bernard Grech Kap.
Quddiem dan l-inflieq kollu, dawk li għandhom iċ-ċedoli qed jibżgħu li ma huma ser jieħdu xejn lura. Kull ma baqgħalhom huwa li jitolbu lil Bambin li jibgħatilhom tajba.