Analiżi ta’ kif jaħdmu d-dinastiji fil-Partit Nazzjonalista

Kif jaħdmu d-diversi dinastiji li jeżistu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista? Tgħid ser jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Bernard Grech? Tgħid ser jaħdmu kontra l-istess Grech? X’qed jgħidu għat-telfa kolossali li għadu kif qala’ l-Partit Nazzjonalista?

Fil-Partit Nazzjonalista jeżistu erba’ dinastiji diversi li kollha, min ftit u min iktar, jippruvaw jinfluwenzaw fuq il-ħakma tal-istess partit. Dawn ma bdewx joperaw illum u lanqas ilbieraħ. Issa jidhru li ilhom hemm għal numru ta’ snin.

Bħala protagonisti ewlenin f’dawn id-dinastiji insibu lil Lawrence Gonzi, lil Austin Gatt, lil Richard Cachia Caruana u lil Louis Galea. Wara t-telfa tal-2013 dawn il-protagonisti kienu aċċettaw it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. Fil-fatt matul iż-żmien ta’ Busuttil bħala kap ma tantx rajna moviment minn dawn in-nies tant li l-grupp parlamentari kien jidher magħqud wara l-kap tiegħu. Simon Busuttil ħadem b’ħafna trankwillita u ma kellux rivoluzzjonijiet fi ħdan il-grupp parlamentari tiegħu bħal ma kellu Lawrence Gonzi ftit xhur qablu.

Wara l-2017 tfaċċa Adrian Delia, xi ħadd minn barra li ma kien aċċettat minn ħadd minnhom. Dak iż-żmien, dawn id-dinastiji xtaqu xi ħadd minn ġewwa ħalli jibqa’ jkollhom ħakma fuq il-Partit Nazzjonalista. Lawrence Gonzi u Richard Cachia Caruana kienu tefgħu s-saħħa tagħhom kollha fuq Chris Said. Said kien ħadem tajjeb ħafna mil-qrib ma’ Gonzi b’tali mod li meta Said kellu ftit tal-inkwiet u kellu jitlaq mill-esekuttiv għal ftit taż-żmien, Gonzi baqa’ jistennieh sa x’ħin reġa’ tah postu lura.

Austin Gatt kellu joqgħod ftit gallarija għax ir-raġel tiegħu, Claudio Grech, kien għadu mhux preparat biżżejjed għal dik il-pultruna.

Louis Galea għadda minn perjodu kwiet u ma kellux lil min iressaq għat-tiġrija.

Adrian Delia ma kien aċċettat minn ebda mill-erba’ dinastiji għaliex ir-rebħa tiegħu ma kien jafha lill-ebda wieħed minnhom. Għalhekk kienet iebsa għal Adrian Delia li jżomm il-pultruna ta’ kap għax kellu l-erba’ protagonisti kontra tiegħu. Delia prova jaddotta mod ġdid ta’ politika. Imma dawn l-erba’ min-nies beżgħu li l-Partit Nazzjonalista se jispiċċalhom minn idejhhom u dik ma għoġbithomx, tant li ngħaqdu biex jeħilsu minn Delia.

Meta rnexxielhom bdew jitfgħu l-lixka biex jaraw lil min ser iressqu ‘l quddiem għal pożizzjoni ta’ kap. Għal darba oħra Austin Gatt kellu jibqa’ lura, għax għalkemm Claudio Grech kien interessat, ma kienx jidher li kellu l-appoġġ ta’ sħabu.

L-iktar wieħed minn l-erba’ dinastiji li avviċina t-tmexxija ta’ Adrian Delia kien Louis Galea. Fil-fatt kemm Lawrence Gonzi u Richard Cachia Caruana qagħdu kwieti u ħallew lil Galea jilgħab il-logħob tiegħu. Ma kienx hemm dubju li Louis Galea kien qed iżomm lil dawn iż-żewġ protagonisti informati bil-manuvri tiegħu. Louis Galea ħa li ried mingħand Adrian Delia meta daħal fin fin biex jerġa’ jikteb l-istatut mill-ġdid. Hawn żbalja Delia li ma għarafx il-mossi ta’ Louis Galea u li kien ser iwarrbu mill-aktar fis possibbli.

Niftakru sewwa l-laqgħat ta’ Louis Galea fil-ħemda tal-lejl biex jasal għal dan l-iskop. Tant kellu saħħa Louis Galea f’dak iż-żmien li saħansitra lagħab il-karta vinċenti li jagħżel lil Bernard Grech, flok Roberta Metsola jew Therese Comodini Cachia, biex itellaq ma’ Delia fl-2020.

Illum wieħed jistaqsi: tgħid dawn l-erba’ protagonisti qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Bernard Grech? Tgħid qed jgħinu bniedem li għadu kif qala’ daqqa ta’ ħarta ta’ 40,000 vot? Tgħid qed jaqblu bil-prospetti ta’ Bernard Grech li biex jirranġa il-pożizzjoni finanzjarja qed jikkontempla li jbiegħ il-każini u d-Dar Ċentrali? Tgħid se jafdaw il-Partit Nazzjonalista f’idejn bniedem li f’dawn l-aħħar tmintax-il xahar ma rnexxielu javvanza xejn? Tgħid dawn l-erba’ dinastiji ser iħallu lill-partit f’idejn dan il-Kap li kull ma jidher li qed jipprospetta huwa d-diżinteggrazzjoni tal-istess Partit Nazzjonalista?

Jekk it-toqol tad-deċiżżjoni qiegħda f’idejn il-kunsilliera, xorta ngħid li dawn l-erba’ dinastiji ser ikollhom fuqhom ukoll id-dover li jiftħu għajnejn il-kunsilliera li dejjem xaqilbu lejhom biex jiggwidawhom x’ser jagħmlu fl-elezzjoni tal-kap li msejħa għal ftit ġranet oħra.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *