Prova oħra tas-sistema klijentelari ġewwa pajjiżna: jekk trid tinqeda fittex is-servizz ta’ persuni marbuta mal-gvern tal-ġurnata.

Il-pjattaforma diġitali tal-knisja ħarġet tgħidilna li Jonathan Attard, il-Ministru tal-Ġustizzja kien tella’ kont lill-klijent tiegħu ta’ €100,000 talli assistih biex jipprova iġiblu l-permessi neċessarji għal-lukanda fil-Mellieħa. Dan kien għamlu fl-2016 meta kien għadu kif laħaq avukat. Id-dokumenti relatati saru pubbliċi minħabba kawża li s-sidien fetħu biex juru li Jonathan Attard u żewġ avukati sħabu ċċarġjaw lil klijenti tagħhom 300,000 bejniethom. Dak iż-żmien meta saret din l-istorja Jonathan Attard kien jaħdem fl-istess uffiċju ta’ Chris Cardona.

Meta tqis it-tip ta’ kostruzzjoni, it-talba mitluba mhux kbira ħafna għax tammonta għal xi 1% tal-proġett kollu. Il-problema f’dan il-każ tinsab x’imkien ieħor. Ma hemmx dubju li l-klijent mar għand avukat li għadu jilħaq mhux għax rah tajjeb, imma għax ra l-konnessjonijiet politiċi tiegħu.

U għalhekk hawn wieħed jistaqsi għaliex qed jiskantaw b’dak li ġara l-ġurnalisti tal-pjattaforma tal-knisja? Ormai kulħadd jaf li hawn Malta biex tirnexxi f’xi żvilupp qawwi jew fi proġett kbir, dejjem jaqbillek tqabbad avukati viċin il-partit fil-gvern. Meta kien hemm in-Nazzjonalisti fil-gvern kienu jsemmgħu legal firms partikolari fil-gazzetti tal-Lejber li dak iż-żmien kien fl-Oppożizzjoni.

Mela din kienet u għadha ssir ikun min ikun fil-poter. Addio il-meritokrazija li kien wiegħed Joseph Muscat fl-2013.

Mela dan il-każ jikkonferma l-perċezzjoni tan-nies li jekk ma tmurx għand ċertu avukati li jistgħu jgħinuk verament tispiċċa lanqas tieħu dak li hu tiegħek minħabba l-burokrazija li qed tinħoloq apposta biex in-nies ma jinqdewx mingħajr l-għajnuna tal-politiċi.

F’dan il-każ il-proġett kien miexi u ċertu permessi kienu ħarġu. Fil-fatt kienu diġa’ ħarġu l-permessi mill-Awtorita’ tal-Artijiet u mill-Awtorita’ tat-Turiżmu. U anke l-Awtorita’ tal-Ippjanar kienet waslet fl-aħħar biex toħroġ il-permessi neċessarji. Biss is-sidien kellhom diffikulta’ biex jiġbru l-ammonti ta’ miljuni neċessarji biex iwettqu l-proġett.

Mela meta tara dawn l-affarijiet, għalfejn qed jiskandalizzaw irwieħom Newsbook? Possibbli qatt ma semgħu b’xi każi bħal dan tul is-snin li ilhom ixandru? Possibbli qatt ma kellhom għall-attenzjoni tagħhom proġetti ta’ din il-kwalita’ li kellhom għajnuna minn xi uffiċċju ta’ avukati viċini tal-Ministri li jkunu fil-Gvern dak iż-żmien tat-talba biex jitwettaq il-proġett?

Dak li hu ta’ skandlu huwa li nies komuni, irrispettivament min ikun fil-gvern, isibu ħitan kbar quddiemhom għaliex ma jmorrux għand ċertu avukati jew ċertu periti biex ikollhom il-proġetti tagħhom approvati. B’hekk is-sistema li ħloqna – jew aħjar li ħolqu l-partiti hija waħda klijentelari biex wieħed jibqa’ servili lejhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *