Fil-PN, il-ħuta minn rasha tinten

Blog post minn osservatur politiku

Il-Malti jgħid ‘il-ħuta minn rasha tinten’. B’mod figurattiv tfisser li jekk jinqala’ xi inkwiet fi kwalunkwe post il-ħtija l-ewwel li taqa’ fuq l-ikbar ras li jkun hemm fil-post. U hekk jiġrilu anke partit politiku. Jekk dan il-partit jaqa’ f’xi problemi l-ewwel irid jikkonsidra postu l-kap jew il-mexxej ta’ dak l-istess partit. Mela żgur li ma treġġix il-konklużjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta qal ‘il-problema ma tinsabx fit-tmexxija tal-Partit’. Li r-responsabilita’ ma tieqafx miegħu jista’ jkun, imma tibda’ dejjem minnu. Hu irid jerfa’ l-akbar persentaġġ ta’ ħtija li ġġorr magħha telfa politika, iktar u iktar meta tkun telfa kolossali.

Nistaqsi biex nifhem. X’kien jgħid Bernard Grech kieku r-riżultat kien differenti? X’kien jgħid li kieku d-distakk naqas sewwa jew addirettura rebaħ l-elezzjoni? Il-ġenwinita’ ta’ Bernard Grech hija dubbjuża jekk ukoll mhix ineżistenti. Qed ngħid dan għax Dr Grech missu jaf li hu ma daħalx fil-politika lejlet l-elezzjoni ġenerali. Allura kif jiġi jikxef u jxandar ċertu informazzjoni interni tal-Partit Nazzjonalista eżatt wara l-elezzjoni? Kemm ilu jafhom dawn l-affarijiet? Allura kif jagħmel użu minn din l-informazzjoni għal gwadann tiegħu personali? Allura kif jagħmel użu minn informazzjoni pjuttost sigrieta biex iwerwer lil kull min seta’ wera interess li jidħol għat-tellieqa tal-Kap?

Fit-tmintax-il xahar li ilu jmexxi l-Partit Nazzjonalista żgur kien jaf bil-flaġell finanzjarju tal-Partit li kien qed imexxi. Tal-iskantament kif f’dawk it-tmintax-il xahar qatt ma għaddiet mill-kuruturi ta’ moħħu li jiżvela din l-informazzjoni. Issa wara l-elezzjoni, b’mod inspjegabbli, xerred informazzjoni li kienet minn dejjem mistura u dan għamlu biex jissaħħaħ hu. Din in-negattivita’ ma ħarġitx qabel l-elezzjoni imma għall-kuntrarju, Bernard Grech kien ipinġi l-affarijiet totalment differenti, tant li ħadd ma kien jaħseb li s-sitwazzjoni kienet daqshekk makabra.

Bernard Grech lill-kunsilliera qalilhom li l-problemi li għandu l-Partit Nazzjonalista huma ħafna akbar mill-problema ta’ tmexxija. Araw kif malajr skolpa lilu nnifsu minn kull tip ta’ ħtija li seta’ kellu u li jista’ għandu. B’mod inġenwin ġibed miegħu lill-kapijiet ta’ qablu, Lawrence Gonzi, Simon Busuttil u Adrian Delia u qal li taħt kull Kap kien hemm riżultati simili fejn kien hemm elezzjonijiet. Allura, għal darba oħra biex jiskolpa ruħu, reġa’ qal li l-problema ma tinsabx fit-tmexxija.

Kif tista’ tħares lejn Bernard Grech u ssejjaħlu bniedem politikament ġenwin? Kif tista’ tħares lejn it-tmexxija tiegħu b’serenita u ssejħilha ġenwina? Kif tista’ tifhem, kif telfa kardinali bħal dik tal-aħħar elezzjoni, tista’ tiskolpa l-persuna li kien il-kap ta’ dak il-partit? Kif tista’ tisma’ lil Bernard Grech jitkellem u tirrifletti li dan ir-raġel jista’ b’xi mod ikun ġenwin?

KIf jgħid proverbju Malti li ħadnieh mill-isqalli: il-ħuta minn rasha tinten.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *