Il-każ ta’ Albert Buttigieg: il-Partit Nazzjonalista joqtol kemm il-messaġġ u l-messaġġier f’isem il-“fat cats”

M inn osservatur politiku

L-istejjer fil-Partit Nazzjonalista ma jieqfu qatt. Issa tfaċċat is-saga ta’ Albert Buttigieg, is-Sindku ta’ San Ġiljan u kandidat fuq id-9 u l-10 distrett fl-elezzjoni ġenerali li għaddew. Buttigieg kiteb artiklu fuq it-Times il-bieraħ fejn allega li kien hemm offiċjal fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li aċċetta talba minn għand ‘a fat cat’ (kuntrattur b’saħħtu) biex jostakulaw lill-istess Buttigieg biex ma jitlax fil-Parlament.

Issa ħadniha drawwa min-naħa tal-Partit Nazzjonalista li kif jitfaċċa xi ħaġa bħal din l-individwu jintalab jippreżenta l-provi lill-Kummissjoni tal-Etika tal-Partit. Diġa’ rajniha fil-każ ta’ Jason Azzopardi u kellna l-esperjenza tagħha wkoll bis-Sindku tan-Naxxar Ann Marie Muscat Fenech Adami. Biss issa bdejna nieħdu xeħta oħra, din li naqtgħu b’giljottina l-pożizzjoni ta’ min ikun qed jgħaddi dawn il-kummenti.

Buttigieg min-naħa tiegħu qal li l-artiklu tiegħu hu biżżejjed u mhux beħsiebu jmur quddiem l-ebda kummissjoni. Fuq kollox, Buttigieg spiċċa jisfida lill-Partit Nazzjonalista u qal lill-istess partit li jekk iridu jkeċċuh.

Fil-każ ta’ Azzopardi u Buttigieg ġew mitlubin jissostanzjaw l-istejjer tagħhom quddiem il-kummissjoni interna fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa. Niftakru tajjeb li l-allegazzjoni li għamel Jason Azzopardi kważi waqgħet fuq ommha, għax Jason Azzoprdi għażel li jirriżenja flok imur quddiem il-kummissjoni interna.

Biex Buttigieg jissostanzja kliemu bil-fors ikollu jikxef is-sors tiegħu, xi ħaġa li ħadd ma jagħmilha, aħseb u ara kemm ser jagħmilha Buttigieg. Imma issa donna l-logħba tal-Partit Nazzjonalista qed tkun li jieħdu n-nuqqas ta’ preżentazzjoni quddiem il-kummissjoni tal-etika interna, bħala raġuni biżżejjed biex il-każ jieqaf hemm. Hekk sar f’ta’ Jason Azzopardi u donnu hekk ser jiġri f’ta’ Buttigieg, għax għamilha ċara li hu ma għandux xi jżid barra dak li qal fl-artiklu.

Imma qed isibha komda Bernard Grech li jitfa’ kollox fuq il-Kummissjoni u dment li dak li jkun ma jmurx quddiemha, allura il-każ jieqaf hemm? B’hekk irid joħroġ ifuħ il-Partit Nazzjonalista minn allegazzjonijiet serji bħal dawn? Minn kif qed jirraġuna l-partit, wieħed jista’ jikkonkludi li donnhom jafu sew kif ser tirreaġixxi l-kummissjoni jekk xi ħadd jidher quddiemha. It-tmexxija donna taf li b’xi mod isibu kif iduru mal-allegazzjonijiet ħalli ma jidhirx ikrah il-partit jew il-kap. B’hekk kull darba qed jinqatel il-messaġġier biex miegħu jmut il-messaġġ.

Imma issa l-frosta ċaqċqet darbtejn. Possibbli t-tnejn huma invenzjonijiet? Possibbli l-verita’ qiegħda biss fuq in-naħa tal-uffiċjali tal-Partit u min wassal l-allegazzjonijiet ma għandux mill-verita’?

Leave a Reply

Your email address will not be published.