Il-Partitarji Nazzjonalista qed jistaqsu x’ser jiġri mill-partit tagħhom jekk ser jibqgħu jinbiegħu l-każini u Dar Ċentrali?

Blog post minn Osservatur politiku

Il-mija u tlieta u għoxrin elf votant li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista donnhom għadhom ma stejqrux minn dik it-tkaxkira enormi li ħa l-partit tagħhom. Għadhom ma jistgħux jemmnu kif id-distakk reġa’ tqawwa u ma kien hemm ebda ċaqliqa pożittiva. Forsi ħafna minnhom imlew rashom li r-riżultat ser ikun aħjar għax il-Partit Nazzjonalista qagħad fuq in-narrattiva tal-Malta Today li kienet qed tippubblika tnaqqis konsiderevoli fid-distakk.

Ma kontx nistenna li ħafna Nazzjonalisti kienu ser jaċċettaw li l-partit idaħħlilhom rashom fir-ramel bħalma għamlet it-tmexxija stess tal-Partit Nazzjonalista minħabba s-surveys. Dawn il-votanti bil-fors li għadhom iħossuhom diżillużi għal mod fejn spiċċa l-partit tagħhom. Ma jistgħux jaċċettaw li d-daqqa kienet tant kbira li tista’ tasal għad-diżintegrazzjoni tiegħu.

Ħafna minn dawn il-partitarji ħasbu li ser issir xi ħaġa straordinarja biex forsi l-Partit Nazzjonalista jkollu tibdila tant mistennija u jerġa’, forsi, jibda’ triq ta’ riġenerazzjoni u tibdil fl-istil tal-politika tiegħu.

Imma mid-dehra, b’detriment qawwi għal dawk li verament jemmnu fil-Partit Nazzjonalista, ser ikun hemm disfatta ikbar għax kull ma qed jiġi offrut huwa ‘more of the same’. Kif jistgħu l-partitarji Nazzjonalisti jħarsu ‘l quddiem lejn xi tip ta’ soluzzjoni jekk kull ma qed jaraw huwa l-istess wiċċ fit-tmexxija tal-partit? Kif jistgħu jagħmlu xi ftit kuraġġ meta ser jibqa’ jmexxi l-istess persuna li għadu kif iġġieled kampanja elettorali u ħareġ ċar li l-votant Malti u Għawdxi ma aċċettax il-politika tiegħu.

Donnu li ħafna partitarji għadhom ma jistgħux jemmnu dak li hu għaddej fil-partit tagħhom. Tant għadhom jgħixu f’ħolma li ftit li xejn qed ilissnu kliemhom biex juru li ma jaqblux li l-affarijiet ser jibqgħu kif kienu. Għadhom ma jistgħux jaċċettaw li, wara telfa kolossali bħal dik, kollox ser jibqa’ l-istess. Id-diżilluzzjoni tant hija kbira li l-maġġoranza tal-partitarji Nazzjonalisti waqgħu fil-muta u ser jafdaw f’idejn il-kunsilliera għall-għażla finali tagħhom.

Imma tant jinsabu mifxulin li lanqas qed jiddiskutu l-politika iżjed, lanqas għadhom jinteresshom x’qed isir (jekk qed isir xi ħaġa), lanqas jimpurthom mill-manuvri li qed isiru fid-Dar Ċentrali bħalissa. U aktar minn hekk, jekk kif qed jingħad ser jinbiegħu l-każini, u hemm ċans anke tinbiegħ id-Dar Ċentrali, fejn ser issir id-diskussjoni politika mill-partitarji Nazzjonalisti?

Fejn ser imorru dawk il-ftit li għadhom jinteresshom il-Partit Nazzjonalista biex forsi jsibu ħajt tal-kenn? Fuq min ser iduru meta jkunu jridu jwasslu xi ħsieb tagħhom? Issa li għaddew iżjed minn disa’ snin fl-Oppożizzjoni, xi prospetti għandu l-Partit Nazzjonalista biex forsi jara xaqq dawl? Id-diskors ġeneriku qed ikun negattiv fis-sens li ħafna qed jgħidu li l-futur tal-Partit Nazzjonalista huwa mċajpar u kulħadd qalbu maqtugħa li sa ħames snin oħra l-partit jilħaq jirpilja.

Possibbli kien hemm tant tgergir sa sentejn ilu mill-partitarji, issa waqaf kollox, issa kulħadd immuta, issa qisu mhu qed jiġri xejn, issa qisu mhux tinħass l-għafja tal-mewt?

One thought on “Il-Partitarji Nazzjonalista qed jistaqsu x’ser jiġri mill-partit tagħhom jekk ser jibqgħu jinbiegħu l-każini u Dar Ċentrali?

  1. l-akbar ghajnuna li qieghdin igawdu in nazzjonalisti gejja minn diversi parlamentari laburista li b’emails mibhuta lilom jew ma jwegux jew jitmelhu b min jibghatilom jighdlek mhux lili trid tighd dak mhux il ministeru tieghi.

Leave a Reply

Your email address will not be published.