Il-proċess elettorali għall-ħatra ta’ kap fil-Partit Nazzjonalista

Minn osservatur politiku

Il-media nfurmatna li l-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalet li sabet lil Bernard Grech idoneju għall-kariga ta’ Kap. Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li għamel qal li din il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport ta’ due diligence dwar l-istess Bernard Grech lill-Kummissjoni Elettorali u lill-Kunsill Amministrattiv. Xejn ta’ barra minn hawn. Wieħed kien jistenna dan ir-riżultat. Fuq kollox, dawn huma kummissjonijiet rubber stamp. Min-naħa l-oħra, Bernard Grech ġa kien għadda minn dan il-proċess fl-2020. B’hekk qed ngħid li din hija xi ħaġa li konna qed nistennewha u li ma kellna ebda dubju li ser tirriżulta fil-pożittiv.

Il-Kummissjoni Kandidati qalet li waslet għad-deċiżjoni tagħha abbażi tat-tweġibiet mogħtija lilha minn Bernard Grech. Mela għandna konferma li l-Kummissjoni Kandidati qagħdet biss fuq dak li wieġeb Bernard Grech mingħajr ma saret xi tip ta’ riċerka fuq l-istess kontestant. Mela mingħajr ma niskantaw b’xejn il-Kummissjoni għamlet rapport biss fuq dak li semgħet minn għand il-kontestant. Għalhekk qed ninsisti li dawn huma kummissjonijiet rubber stamp u naħseb li aħjar ma jibqgħux jeżistu aktar. Jien għandni idea differenti ta’ kif tintgħamel due diligence.

Mela issa ersaqna lejn tappa oħra għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Issa għandna lil Bernard Grech li jista’ jitfa’ n-nomina tiegħu għal din il-pożizzjoni. Fil-fatt, I-Illum tgħidilna li jista’ jitfa’ n-nomina. għall-kap. Allura Bernard Grech b’mod uffiċjali jista’ jibda l-kampanja elettorali tiegħu. Imma kif żviluppaw l-affarijiet ma tantx għandu kampanja x’jagħmel, anki jekk issa jista’ jibda l-kampanja biex isir kap. L-unika kampanja li ser jagħmel hija dik li jara li jġib numru sostanzzjonali ta’ voti mill-kunsilliera.

Imma hemm punt ieħor li jrid jingħad. Bernard Grech beda l-kampanja tiegħu kif appena sar jaf li l-partit tiegħu tilef bl-akbar distakk li ra pajjiżna. Minn dak in-nhar sal-lum, f’kull okkażżjoni li kellu, għolla lilu nnifsu dejjem iżjed bħala l-iktar u l-uniku kandidat li jista’ jmexxi dan il-partit. Meta mistoqsi għala qed itellaq waħdu, wieġeb li dak kien sinjal ċar li ħadd ma seta’ għamel aħjar minnu fl-elezzjoni li għadha kif għaddiet.

Kemm infakkru, Dr Grech huwa l-Kap li tilef bl-akbar ammont ta’ voti mill-1955 ‘l hawn. B’hekk dikjarazzjoni bħal din ma turix umilta’. Kemm ikun aħjar kieku l-kunsilliera kollha tal-Partit Nazzjonalista, li issa ser jaqa’ l-onus kollu fuqhom, jistaqsu lill-kap tagħhom għal ftit umilta’, li qatt ma għamlet ħsara lil ħadd imma jirnexxielha żżomm lis-saqajn ta’ dak li jkun imwaħħlin tajjeb mal-art.

Leave a Reply

Your email address will not be published.