Għaliex mhux ser isir Rapport tat-Telfa?
Minn Osservatur Politiku
Għaliex mhux qed noħodha bi kbira li ma hux ser isir rapport tal-telfa għall-Partit Nazzjonalista? David Agius, il-Viċi-Kap tal-istess Partit, ħarab milli jwieġeb jekk hux ser isir rapport min-nies esperti. Huwa qal li l-partit għadu jiddiskuti.
L-ewwel mistoqsija tiġi waħidha. F’liema fora fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ġiet diskussa t-telfa fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet? Skont David Agius, il-Partit Nazzjonalista dejjem ħa r-riżultati tal-elezzjonijiet b’serjetà kbira imma ma qalx kif ħa r-riżultat Bernard Grech. Ma nistgħux ninsew li l-ewwel reazzjoni ta’ Bernard Grech għat-telfa elettorali kienet rikjesta għal mandat iktar b’saħħtu. Mela huwa ovvju li t-telfa ma għamlitx bih. Huwa ovvju li f’dan l-istadju mhux ser isir rapport tat-telfa.
Biex wara telfa bħal dik u wara vot ta’ rifjut għall-politika tiegħu jkollok il-gutz titlob mandat b’saħħtu, ikun jirrifletti li tkun bħal papri li kwalunkwe tip ta’ ilma jiżloq minn fuqhom. Kull meta smajna lil Bernard Grech jitkellem, dejjem ġab diversi skużi għaliex il-poplu ma tax il-fiduċja lill-partit tiegħu.
Dejjem ipponta subgħajh lejn ħaddieħor imma qatt ma ammetta li hu kien il-promotur assolut fil-kampanja elettorali. Jekk il-poplu rrifjuta li jagħti fiduċja lill-program tal-Partit Nazzjonalista, huwa ċar li jfisser ukoll li l-poplu ta vot qawwi ta’ sfiduċja f’Bernard Grech. Imma għalih qisu ma ġara xejn. Li jinteressah li jibqa’ jgawdi l-pultruna ta’ kap. Bernard Grech ma tax każ tal-problemi li żdiedu kemm ilu hu kap. U naħseb li din hija l-vera raġuni għala mhux ser isir rapport tat-telfa għaliex il-PN ma jridx jaffronta r-realta’.
Li kieku ma kienx hemm problemi kieku l-Partit tiegħu kien joħroġ bl-unuri fl-elezzjoni ġenerali. Imma kif jikxef ir-riżultat, il-poplu ma setax jivvota partit li deher ovvju li kien partit maqsum u li l-kandidati kollha kemm huma ħadmu kampanja elettorali personali u ma tawx każ wisq dak li kien ħiereġ mid-Dar Ċentrali. Riedu jinfatmu mill-problemi li kellu l-Partit Nazzjonalista u kienu jafu li jekk jibbażaw il-kampanja elettorali tagħhom fuq il-messaġġ tal-partit kienu jafu li jistgħu jegħrqu miegħu.
Imma l-agħar ħaġa li jista’ jiġrilu partit hija li l-kap tiegħu ma jassumi ebda parti mir-responsabilita’ tat-telfa kolossali. Rapport ta’ telfa ma jistax ma janalizzax ir-responsabbilita’ tal-kap. Saħansitra Bernard Grech, fid-diskors li għamel fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, ftit wara l-elezzjoni, ddikjara li l-problemi li għandu l-partit imorru lil hinn mit-tmexxija.
Mela kien ċar li hu, bħala Kap, ma kellu ebda tort fid-disfatta. Hu għamel bħal Pilatu u ħasel idejh mill-ħsara li saret l-istess Partit Nazzjonalista kemm ilu kap. Daħal pur għat-tmexxija fl-2020 u wara li għamel froġa tul tmintax-il xahar bħala kap u wara kampanja elettorali li rriżultat f’telfa kolossali, ħareġ mill-ewwel wara r-riżultat li hu għadu pur iżjed minn qabel, tant li talab mandat aktar b’saħħtu. Kieku is-sitwazzjoni ma hiex tant traġika, kieku jagħtik li tidħaq.
Bernard Grech u l-ambizzjonijiet personali tieghu se jkunu kagun tat-tmiem il-PN. Min imur jivotta favur Bernard Grech fil-Kunsill Generali se jkun komplici fil-qerda tal-PN.