Ara issa sar tajjeb il-Westminister Model għall-Parlament Malti

Minn Osservatur Politiku

David Agius, Viċi Kap, u Robert Cutajar, Whip, tal-Partit Nazzjonalista indirizzaw konferenza stampa fejn għamlu diversi suġġerimenti biex jaraw il-prijoritajiet parlamentari jiġu modernizzati fil-leġislatura li ser tibda illum. Kulħadd jaf li l-Parlament Malti jimxi fuq it-metodi użati mil-Gvern Britanniku imma fadal x’wieħed jista’ jirranġa ħalli jadotta aktar prassi tal-Gvern Ingliż. Fi kliem ieħor jimxi fuq dak li jissejjaħ The Westminister Model

Per eżempju fl-Ingilterra teżisti sessjoni ddedikata biss għall-mgistoqsijiet lill-Prim Ministru. David Agius u Robert Cutajar ipproponew dan il-mudell. Ma nara xejn ħażin. Imma wieħed irid jgħid li Adrian Delia, meta kien kap, kien għamel din il-proposta. Niftakru jitkellem fuq dan is-suġġett imma qatt ma ġie adottat.

Issa l-Partit Nazzjonalista, fil-bidu ta’ legislatura ġdida qed jerġa’ jagħmel attentat biex dan il-ħin partikulati jiddaħħal fil-Parlament Malti. Is-suġġeriment li qed isir jerġa’ jitlob li dan għandu jsir bħala sessjoni ta’ darba fil-ġimgħa bil-mistoqsijiet isiru mid-diversi membri tal-Parlament. L-ispirtu li fih qed jintgħamlu dawn il-proposti huwa wieħed ta’ titjieb fis-sistema parlamentari ta’ pajjiżna.

L-Oppożizzjoni qiegħda titlob ukoll li jiġi iffurmat kumitat tal-parlament apposta biex jiddiskuti dawn il-proposti u modernizzar ta’ kif jimxi il-Parlament Malti biex ikompli jimxi fuq passi diġa pertinenti fil-parlament Ingliż. Għalhekk ikun jista’ jsir tibdiel li jinħass neċessarju fl-istanding orders tal-parlament.

Saru wkoll suġġerimenti biex jiġu mwaqqfa diversi kumitati oħra bħal per eżempju wieħed fuq il-ġustizzja. Kumitati oħra biex jiddiskutu d-diabete u l-obeżita. Saret proposta biex kemm jista’ jkun ma jiġrix dak li kien qed isir fil-leġislatura li għaddiet fejn ħafna ministri kienu jkunu nieqsa waqt il-ħin tal-mistoqsijiet.

Qed jintalab ukoll li jiġu adottati ‘family friendly measures’ bħal faċilita’ ta’ childcare, kemm għall-membri tal-parlament imma wkoll għall-ħaddiema fl-istess parlament. Ikun pertinenti li wieħed ifakkar kemm hu importanti li jkomplu jiddaħħlu proċeduri parlamentari kif hemm fil-parlament Ingliż ħalli tkompli tissaħħaħ l-assimilazzjoni bejn iż-żewġ parlamenti.

Biss meta niftaħru li qed indaħħlu miżuri simili għall-parlament Ingliż rridu niftakru li kull inklużjoni ta’ miżura għandha tkun aċċettata.

Niftakru tajjeb ħafna kemm kien hemm kritika għad-deċiżżjoni li kien ħa Dr Adrian Delia meta ddeċida, fuq sistema parlamentari Ingliża, li ma jieħux dekasteru fil-leġislatura li għaddiet peress li kien spiċċa minn kap mingħajr ma kienet għada spiċċat l-leġislatura. Kienet deċiżżjoni meħuda fuq prassi tal-parlament Ingliż. Saħansitra kien hemm akkademiku li pprova jwaqqa’ dan għaż-żufjett.

Mela meta nfaħħru, nagħmlu mod li nfaħħru kollox u mhux nagħżlu fejn immaqdru. Tajjeb li dejjem inħarsu lejn ir-regolament tal-Erskine May użat fil-parlament Ingliż ħalli nieħdu minnu proċeduri biex inkunu nistgħu nsaħħu l-parlament Malti.

Huwa tajjeb li ma nagħmlux differenza bejn emendi li nippruvaw nadottaw għaliex il-parlament Malti jkun biss qed joħloq konfużżjoni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *