Kompla d-disgwid fl-Oppożizzjoni minħabba l-ħatra tal-iSpeaker: l-Oppożizzjoni ma talbitx għal division.

Dan is-sit jinsab infurmat li kompla d-diżgwid fl-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Ispeaker. Wara li saret laqgħa tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista, kien ġie deċiż li l-Partit Nazzjonalista għandu jivvota kontra. F’dik il-laqgħa partikolari, Karol Aquilina qam jitkellem u tkellem aktar minn għaxar darbiet kontra li l-Partit Nazzjonalista jivvota favur l-għażla tal-iSpeaker Anġlu Farrugia, Wieħed irid jiftakar li Aquilina huwa persuna qrib ħafna ta’ Louis Galea.

Dan is-sit tkellem fuq din l-istorja u wera li bil-pożizzjoni li ħa l-Partit Nazzjonalista kien qed jitfa’ l-ġebla fuq saqajh minħabba li waqt li beda jgħid li ma ġiex ikkunsultat mill-Gvern fuq l-għażla ta’ Anġlu Farrugia, xorta waħda kien lest li jasal għall-kompromess. Fuq kollox, kif wera dan is-sit, l-Oppożizzjoni ma kkunsultatx mal-gvern fuq l-għażla tagħha biex David Agius ikun d-Deputy Speaker.

Din is-sitwazzjoni tefgħet lil Bernard Grech f’sitwazzjoni imbarazzanti tant li ħarġet fil-beraħ il-bieraħ stess għaliex sa l-aħħar minuta baqa’ jittallab biex jinstab xi forma ta’ kompromess mal-Gvern. Bernard Grech kien qed jipprova jagħmlu minħabba li l-grupp kien maqsum. U din il-qasma ħarġet fil-beraħ fil-mod kif ittieħed il-vot.

L-Oppożizzjoni kellha żewġ għażliet: waħda li Bernard Grech jistqarr li l-oppożizzjoni tivvota kontra imma ma jitlobx division. It-tieni għażla kienet li jgħid li l-oppożizzjoni ħa tivvota kontra u jitlob division. Bernard Grech għażel l-ewwel optzjoni. Ma talabx division. Dan kien ifisser li kull membru tal-kamra ma ntalabx jgħid jekk jaqbilx jew le mal-għażla tal-ispeaker. Jidher li Bernard Grech kien qed jibża li kieku talab division, kien ser ikun hemm membri mill-kamp Nazzjonalista li kienu ser jivvutaw mal-gvern fuq l-għażla tal-Ispeaker u din kienet tqiegħed l-Oppożizzjoni f’sitwazzjoni aktar imbarazzanti. Infakkar li fil-laqgħa tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista, il-maġġoranza tad-deputati kienu favur l-għażla ta’ Anġlu Farrugia. Dak li hu żgur li Bernard Grech ma riedx jieħu dan ir-riskju.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *