Adrean Delia naqqas id-dejn tal-PN b’żewġ miljuni: Bernard Grech f’inqas minn sentejn żiedu b’sitt miljuni!
Ilbieraħ, kellna aħbar fit-Times mill-“ġurnalist” qarib ta’ Repubblika, Jacob Borg. Dan żvela li Bernard Grech spiċċa fi kliem l-eks-Kap tal-Media.Link, Pierre Portelli, li ġimgħa ilu wissa li l-Partit Nazzjonalista ma fadallux triq oħra għajr li jagħmel ‘forced administration‘. Issa sirna nafu li Bernard Grech hekk qed jagħmel. Qabbad team ta’ esperti biex jgħidulu fejn għandu jaqta’, lil min għandu jkeċċi u liema kumpanija għandu jagħlaq. imma nispera li dawn l-esperti mhux qed iħejju t-triq biex din il-media tingħata lil xi ħadd!
B’hekk din l-aħbar qed turi li aktar ma jmur, aktar Bernard Grech u l-ftit li fadallu madwaru, qed jirrealizzaw li dak li kienet qed twettaq l-amministrazzjoni ta’ Adrian Delia kien tajjeb u f’waqtu. Imma meta t-team ta’ Adrian Delia, Robert Arrigo, Clyde Puli u Pierre Portelli kienu qed jagħmlu l-istess ħaġa bil-galbu mingħajr ma jiddrammatizzaw wisq is-sitwazzjoni u mingħajr ma jwerwru lill-banek u kredituri, minflok ma għenuhom, il-klikka li tajret lill-Adrian Delia għamlet il-bsaten fir-roti kemm felħu.
Niftakruhom lil dawk li kienu kontra Delia jipprovaw jirredikolaw l-isforzi li kienu qed isiru biex il-finanzi tal-partit jitpoġġew fis-sod. Niftakru kemm qalgħu minn żniedhom biex sħabhom in-negozjanti ma jirreklamawx man-NET.
Issa ġew fi kliem Pierre Portelli u għaliex id-dejn sploda mas-smewwiet. Issa se jkollhom idaħħlu l-esperti u jgħidulhom x’se jżarmaw qabel ma l-banek jidħlu u jieħdu li jistgħu. Niftakru li skont Robert Arrigo, id-dejn li wiret Adrian Delia kien ta’ 28 miljun u meta tneħħa kien 26 miljun. Illum laħaq it-32 miljun. Mela kemm ilu hemm Bernard Grech dan tela’ b’sitt miljun lira dejn. Dan żgur ma kienx ta’ benefiċju għall-ħaddiema. Ara fuq dan il-fatt, Jacob Borg u sħabu ma jinvestgawx!
Wieħed jistaqsi x’se jkunu dawn il-miżuri ta’ awsterita’ li se jkollu jdaħħal Bernard Grech? Se jagħlaq il-gazzetti? Ma naħsibx għax dawk ma jitilfux flus. Se jagħlaq Net FM? Probabbli le imma m’hemmx dubju li se jkollu jmexxieh bil-volontiera biss. Niftakru li fi żmien Adrian Delia, Portelli kien diġa’ għamel ristrutturar fir-radju imma malli telaq kollox reġa mar lura għal li kien.
Se jbiegħ NET TV? Din hi l-akbar għadma li għandu l-partit. L-unika soluzzjoni hi li jinbiegħ l-airtime kważi kollu minbarra fl-aħbarijiet imma s-sondaġġi foqra ma jgħinux. Sakemm m’hux qed jinħema xi pjan li t-TV jaqa’ f’idejn Christian Peregin li issa reġa’ mar lura mal-LovinMalta, anki jekk Bernard Grech qalilna li għadu jagħtih pariri. Jekk jiġri hekk, il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jsir wieħed liberali bħal ta’ Peregin u dan kollu għall-kirja li mhux se ssolvi l-problemi tad-dejn akkumulat.
Jew se jbiegħ xi każini, imma 10 minnhom diġa’ huma marbuta ma’ djun passati. B’hekk jekk taqa’ dawn l-10, ma tantx jibqa’ każini li kapaċi jġibu flejjes kbar u ħallsu d-dejn li akkumula kemm ilu Bernard Grech kap.
Jibqa’ l-fatt li kif kiteb Pierre Portelli, l-esperti jridu jaqtgħu bis-sikkina fil-laħam il-ħaj u jekk il-partitarji mhux se jifhmu li dan irid isir, allura jlestu ruħhom għal falliment akbar. Bernard Grech qal li hu jrid ikun onest mal-partitarji. Kieku ried ikun onest kien jammetti li l-amministrazzjoni ta’ Adrian Delia kienet qed taħdem biex jissolvew il-problemi u li sħabu ma ħallewhomx. Minflok hu u sħabu naqqsu d-dejn tal-Partit Nazzjonalista, dawn komplew żieduh. Ara fuq kemm żied id-dejn fi żmien Bernard Grech ma qal xejn.
