Il-Partit Nazzjonalista maħkum minn apatija; din kibret wara l-istejjer f’dawn l-aħħar jiem

Sorsi li kkuntatjaw dan is-sit tkellmu dwar l-apatitija kbira waqgħet fuq il-Partit Nazzjonalista u b’mod partikolari fuq il-ħaddiema. Is-sostenituri tal-partit spiċċaw tilfu kull interess fil-partit tagħhom stess. Dan hu fatt li qed jidher anki minn kummenti li qed isiru. Kif kiteb xi ħadd fuq dan is-sit; Bernard Grech irid lin-nies jaħdmu bħala volontiera, imbagħad hu jitħallas il-belli liri mill-Partit Nazzjonalista. Żgur li ma jikkwalifikax ta’ volontier. Issa wara dak li ħareġ f’dawn l-aħħar jiem, is-sostenituri tal-istess partit qed jistaqsu fejn qed imorru verament il-flus li qed jinġabru mingħand in-nies.

Dan qed iwassal biex il-Partit Nazzjonalista jinħakem min-nuqqas ta’ entużjazmu waqt li jikber id-dissens intern. Fuq kollox, hemm nuqqas ta’ ideat. Din hija kondizzjoni mentali li qed ittellef kull pass ‘il quddiem li l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmel. Kull ma qed isir bħalissa qisu qed isir b’mod awtomatiku u mhux b’xi enerġija ta’ xi ħadd minn dawk in-nies li qiegħdin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Id-daqqa kbira li ħa l-Partit mar-riżultat tat-telfa tant kienet qawwija li mhux ser ikun faċli biex il-partitarji jsibu dik il-ħeġġa biex jippruvaw jerġgħu jirrikorru lura lejn il-Partit Nazzjonalista. Issa din id-daqqa kompliet tikber wara dak li seħħ f’dawn l-aħħar jiem. Dan wassal biex kibret il-qasma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Jidher ċar li hemm gwerra ċivili fil-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari fil-kamp li kien wara Bernard Grech. Din issa tinsab fil-beraħ. Din il-qasma qed tkompli żżid din l-imbierka apatija. Din l-apatija waslet biex neżżgħet kull ħerqa li jista’ jkun hemm biex jinstab xi ħadd li jieħu r-rigni tal-Partit Nazzjonalista f’idejh jew jisfida lil Bernard Grech.

Tant hu hekk li sa ftit ilu kien jidher li l-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jiġi mmexxi mill-istess kap li għandu. Dan kollu jista’ jinbidel wara dak li qed jiġri bħalissa fil-Partit Nazzjonalista. Dak li hu żgur li ser ikun aktar diffiċli biex dan il-partit jirpilja. Il-Partit Nazzjonalista spiċċa marbut ma’ persuna li hija ttimbrata b’telfa tant kbira u issa li daħħlet f’shaddy deals ma’ kuntratturi magħrufa. Dan hu dak li issa qed jgħidu t-tesserati u n-nies li jaħdmu fid-Dar Ċentrali.

Kif jistgħu s-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista jħossuhom komdi meta jkollhom kap li ma jispira ebda fiduċja ġdida għas-sempliċi raġuni li diġa’ prova u ddamdam ħafna iktar minn oħrajn qablu u fuq kollox qed ikun akkużat b’tixħim.

Tant is-sitwazzjoni hija mwera, li anke d-diskussjoni fuq il-politika marret lura. Dak li qed ikun imxandar hu negattiv dwar il-Partit Nazzjonalista u fuq il-ġlied intern.

Qabel kont naħseb li t-telfa hija l-kaġun ta’ apatija tant kbira. Illum hemm raġunijiet oħra. Issa dħalna f’fażi fejn id-diskussjoni saret fuq kollox barra l-politika. B’dak li qed jiġri, lanqas il-proċess tal-għażla tal-kap ma hu ser jiġbed entużjażmu. Biex tkompli tiggrava s-sitwazzjoni, il-Partit Nazzjonalista daħħal iċ-ċensura biex in-nies ma jitkellmux fuq ir-radju tiegħu. Imma aktar qed jitkellmu fuq is-social media.

Il-fatt li hemm biss kandidat wieħed għal kap kompla xpruna din l-apatija politika. Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn joħroġ kemm jista’ jkun malajr minn din l-apatija li ħakmet lill-partitarji tal-istess Partit u dan jista’ jsir biss billi Bernard Grech joħroġ barra mit-tiġrija quddiem dawn l-akkużi serji li saru fuqu.

Hemm bżonn ta’ injezzjoni enerġetika li terġa’ tagħti nifs lil dan il-partit biex jerġa’ b’xi mod isib il-kuraġġ li jerġa’ jqum fuq saqajh u jipprova jerġa’ jaqbad it-triq ta’ fejda, biss din l-enerġija ma tistax tiġi minn kandidat li għandu issa dawn l-akkużi serji fuq rasu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *