Bernard Grech, il-kilba għall-poter u ikliet li fihom issemmgħu għotjiet ta’ eluf u anki l-miljuni ta’ euros
Aktar ma’ Bernard Grech qed jipprova jara x’jagħmel biex jaħtaf iżjed il-Partit Nazzjonalista taħt idejh, aktar qiegħed jagħmel gaffes politiċi. Bernard Grech missu qagħad kwiet janaliżża d-disfatta li għadu kif ġarrab. Minflok, ħerġin stejjer ta’ ikliet li huwa kien ikollu ma’ negozzjanti li fihom għaddew eluf, jekk mhux miljuni, ta’ euros.
Imbagħad jiġi jgħidilna li ma hiex raġuni finanzjarja l-kilba li għandu biex jibqa’ kap tal-partit u kap tal-Oppożizzjoni. Jekk mhix kilba din, mela ma nafx nispjega kif tkun kilba għall-poter. Meta tkun għadek f’kampanja elettorali jew anke qabel u tkun diġa’ ddeċidejt li ser tibqa’ kap, jiġri x’jiġri, x’tissejjaħ din jekk mhux kilba għall-poter? Imma mnejn ġejja din il-kilba kollha?
Dr Bernard Grech ma jafx aħjar. Jara lilu nnifsu bħala salvatur tal-Partit Nazzjonalista. Il-problema hi li daħħal f’rasu hekk u ma tantx hu faċli li tneħħilu dawn il-ħsibijiet. Meta xi ħadd jiffissa fuq xi ħaġa ma tantx tkun faċli li tibdillu l-ħsieb li jkollu f’moħħu. Mingħajr tlaqliq u b’wiċċu minn quddiem mal-ewwel iddikjara li hu qiegħed hemm biex jibqa’.
Fl-intervista ma’ Saviour Balzan qalilna li hu daħal fil-politika fuq proġett long term. Ara ma jkunx hemm xi ħadd li jgħidlu mod ieħor. Dr Grech jemmen hekk u ħadd ma jista’ jmerieh. Inutli li wieħed jipprova jispjegalu li r-riżultat tal-elezzjoni ta indikazzjonijiet li jkun ta’ ġid jekk iwarrab, għax hu ddeċieda li għandu jibqa’ u mid-dehra ser jirnexxielu. Ħadd ma donnu għandu l-ħeġġa li jikkompetilu.
Il-Partit skond Dr Grech tant qiegħed f’sitwazzjoni ħażina li kulħadd qata’ qalbu li jersaq għat-tmexxija tiegħu. Imma x’ser jakkwista l-Partit Nazzjonalista billi jibqa’ Kap Dr Bernard Grech? Kull Malti u Għawdxi ra b’għajnejh u sema’ b’widnejh x’joffri Bernard Grech għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż. Tant kienet qanpiena mġenġla li spiċċa dabbar l-agħar riżultat immaġinabbli. U qisu mhu qed jiġri xejn, għax hu hemm ser jibqa’, jiddandan b’dak li diġa’ għamel u li beħsiebu jerġa’ jirrepeti.
Imma issa qed jgħid li mhux għal ħames snin imma sal-elezzjonijiet tal-membri tal-parlament Ewropew. Jekk il-Partit Nazzjonalista ma jerbaħx it-tielet siġġu hu lest li jaċċetta tellieqa għal kap. Ara ma jkunx hawn xi ħadd li jgħaddilu minn moħħu li hu ser jirreżenja. Dak le. Jiftaħ il-bieb għal tellieqa imma hu xorta jerġa’ jtellaq. Kemm infakkru lil Bernard Grech li fl-2014, Simon Busuttil rebaħ it-tielet siġġu għax minn ħamsa kienu saru sitta r-rappreżentanti Maltin fil-parlament ewropew. Biss xorta dak in-nhar Simon Busuttil kien tilef b’distakk qawwi ta’ 36,000 vot. Kienet biss biċċa fortuna li kien akkwista t-tielet siġġu.
Mela hawn għandna lil Bernard Grech jilgħab mal-fortuna u mhux mad-distakk bejn iż-żewġ partiti. Jiġifieri jekk jibqa’ bl-istess distakk imma jirnexxielu jerbaħ it-tielet siġġu hu ser jibqa’ hemm. Mod faċli u malizjuż ta’ kif ittawwal il-ħakma fuq il-Partit Nazzjonalista.
Imbagħad irridu nibilgħu dak li qal lil Saviour Balzan li hu (Dr Grech) mhux imwaħħal mas-siġġu. Imma r-raġuni ħierġa issa. L-ikliet ma’ businessmen kbar tispjega għala Bernard Grech u n-nies tiegħu qed jimmanuvraw biex jibqgħu hemm. Dawn mhux ikliet bejn il-ħbieb. Dawn huma ikliet li fihom jissemmgħu l-flus u ċ-ċifri li qed jissemmgħu huma kbar ħafna. Skont informazzjoni li akkwista dan is-sit, ġieli ċ-ċifri li ssemmgħu qabżu ż-żewġ miljun euro!