Għall-ikliet mal-businessmen kienu jmorru Bernard Grech u Ray Bezzina biss

Il-Kunsill Amministrattiv ħareġ jiċħad li l-PN irċieva xi flus mingħand il-familja ta’ Yorgen Fenech. Il-membri ta’ dan il-Kunsill ċaħdu din l-affermazzjoni għaliex skont huma ma ġietx ippurvata. Hawn mhux ser nidħol fil-mertu jekk qraba tal-familja ta’ Yorgen Fenech tawx flus lill-PN jew le. Imma wieħed irid jgħid li dawn l-istess membri tal-Kunsill kienu jġibu argumenti differenti meta Adrian Delia kien il-kap tal-Partit Nazzjonalista u kien hemm allegazzjoni simili.

Imma kif il-membri tal-Kunsill Amministrattiv jistgħu joħorġu bi stqarrija bħal din, jiġifieri li ma nġabet l-ebda prova, meta l-ebda membru ta’ dan il-kunsill ma kien qed ikun preżenti għall-ikliet li Bernard Grech kien qed ikollu mal-businessmen li fihom kienu saħansitra qed jagħtuh id-donazzjonijiet ta’ flus?

Dak li l-membri tal-Kunsill Amministrattiv misshom staqsew huwa jekk din l-ikla, li fiha attendew businessmen magħrufa seħħitx jew le. U jekk seħħet, għala ħadd mill-Kunsill Amministrattiv ma kien preżenti? Għax kienu xi ħadd kien preżenti, il-Kunsill Amministrattiv ma kienx joħroġ bi stqarrija bħal din.

Waqt li wieħed jifhem li ikliet bħal dawn isiru, wieħed ma jifhimx kif dawn l-ikliet kienu qed ikunu ppatronizzati biss minn Ray Bezzina u Bernard Grech għan-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Ħadd aktar ma kien qed ikun preżenti għalihom min-naħa ta’ dan il-partit. U dawn kienu jsiru fil-moħbi bir-restaurant jingħalaq għalihom. Waqt dawn l-ikliet, il-businessmen kien jmorru bid-donazzjoni ta’ flus.

Ma nagħmlux mod, li dawn il-flus, li dawn il-businessmen kienu qed jagħtu lill-Partit Nazzjonalista ma kienux qed imorru fl-account tal-istess partit? Naħseb li l-kunsill Amministrattiv għandu jinvestiga sew fejn kienu qed imorru dawn il-flus la darba qalu li ma hemmx provi ta’ għotjiet.

Għaliex din hija l-unika konklużjoni valida li wieħed jista’ jagħmel meta wieħed jaqra l-istqarrija tal-Kunsill Amminsitrattiv li fuqu għad hemm nies, li kienu għamlu plejtu sħiħ fi żmien meta Adrian Delia kien kap u kien hemm allegazzjonijiet simili. Illum, dawn l-istess nies biddlu l-fehma tagħhom.

Din hija ferm aktar gravi mill-akkuża li dan il-Partit irċieva flus minn xi qraba ta’ Yorgen Fenech! Finalment, hu magħruf u rikonoxxut li businessmen b’saħħithom jagħtu flus lill-partit politiċi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *