Illum il-ħaddiema tal-Media Link qed jagħrfu x-xogħol li kien għamel għalihom Pierre Portelli

Minn Osservatur Politiku

Wara li aktar minn ġimgħa ilu, meta kien qed indirizza l-Kunsill Ġenerali, Bernard Grech fajjar iċ-ċifra ta’ €32 miljun dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista, qrajna fil-media x’kellu xi jgħid l-eks-kap tal-Media tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli. Fi tweet qasira, Portelli qal li issa m’hemmx triq oħra, għall-Partit Nazzjonalista, għajr li jqabbad esperti finanzjarji biex jidħlu u jieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex isalvaw il-kumpanija.

Portelli huwa magħruf fil-Partit Nazzjonalista li ma joqgħodx jogħmod il-kliem. Taqbel jew ma taqbilx miegħu, li għandu jgħid jgħidu b’ċarezza u ma joqgħodx idur mal-lewża. Skond impjegati tal-Partit Nazzjonalista, meta kienu jmexxu Pierre Portelli u Clyde Puli, kien l-uniku żmien li fih bdew jaraw titjib bis-serjeta’ fil-kontroll tal-infieq. Magħhom kien hemm Robert Arrigo li wara li rreżenja Portelli kompla jmexxi l-media hu.

L-impjegati li tkellmu magħna qalulna li Portelli kien naqqas il-ħaddiema għal 95 minn 130, kif sabhom meta sar CEO hu. Barra minnhekk, Portelli kien reġa’ beda jinvesti fin-NET, xi ħaġa li kienet ilha ma ssir snin twal. L-iskeda fi żmien Portelli kienet mimlija bi 3 drama u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti ta’ kuljum.

Għalfejn qed ngħid dan kollu? Dawn l-istess ħaddiema qalulna li Bernard Grech irid jieqaf jagħmel dawn il-gaffes politiċi. Imma issa qed jagħmel gaffes finanzjarji. Għax min jifhem ftit fil-finanzi jaf li meta kap ta’ partit joħroġ iperreċ il-qagħda finanzjarja mwegħra, se jsib ma’ wiċċu l-banek u kredituri lesti biex jaħtfu li jistgħu qabel jiġi dikjarat falliment. B’hekk dak li għamel Bernard Grech hu ta’ ħsara kbira għax issa daħlet il-biża’ li ħadd m’hu se jitħallas u nistennew, li jibdew ir-rikorsi fil-qrati biex min għandu jieħu jkun minn ta’ quddiem fil-kju.

Għalhekk il-parir ta’ Portelli li jidħlu l-esperti m’għandux jiġi injorat. Dan ħalli l-Kap ikun jista’ jgħid li x-xogħol ta’ ristrutturar finanzjarju għaddej u l-banek joqogħdu lura milli jirtiraw il-loans tagħhom. Jekk kien hemm min iddarras għax Portelli ħareġ jgħid hekk, imissu l-ewwel jistaqsi lil Bernard Grech x’ħaseb li se jiġri wara li fajjar iċ-ċifra tad-dejn. Forsi stenna li l-banek joqogħdu ċiċċi beqqi u ma jgħidu xejn?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *