Bernard Grech irid ibiegħ kemm il-beni u anki r-ruħ tal-Partit Nazzjonalista
Minn osservatur politiku
X’messaġġ qed jgħaddi Bernard Grech fid-diskors tiegħu? Dak li seta’ jiġi miftiehem għalkemm forsi mhux ċar u skjett kien li:
Il-Partit Nazzjonalista għall-bejgħ
Il-valuri għall-bejgħ
Id-Dar Ċentrali għall-bejgħ
Il-każini għall-bejgħ
Dak kollu li l-Partit Nazzjonalista kien ifisser huwa għall-bejgħ.
Id-diskors ta’ Dr Bernard Grech fil-Kunsill Ġenerali kien pjuttost negattiv u wera li t-tmexxija qiegħda daharha mal-ħajt. Donnu f’daqqa waħda, issa li għaddiet l-elezzjoni ġenerali ser nitfgħu kollox għall-bejgħ. Possibbli b’hekk ser jissolvew il-problemi kollha li għandu l-partit? Dan id-diskors inftiehem li l-Partit Nazzjonlista lest anki jbiegħ ruħu.
Għaliex għandu jingħadda messaġġ li l-Partit Nazzjonalista ser jinża’ minn dak kollu li bnieh f’dawn l-għexieren ta’ snin kemm ilu jeżisti l-Partit? Mela għax iċ-ċifra tad-dejn telgħet ħafna hemm għalfejn narmu dak kollu li hu Nazzjonalist biex forsi nippruvaw insolvu dawn il-problemi? Fuq kollox, dan id-dejn żdied għaliex Bernard Grech u l-istrateġisti tiegħu jridu jagħmlu dan il-partit wieħed liberali u ħallsu l-belli liri biex jilħqu dan l-iskop minn flus il-partit stess.
Jien nemmen li l-Partit Nazzjonalista mhux għall-bejgħ. U lanqas il-valuri ma huma għall-bejgħ. Li tkun sinċier huwa valur. Imma kif jista’ Bernard Grech jinħass li qed ikun sinċier meta wara telfa ta’ 40,000 vot lanqas indenja jieħu fuq spallejh ir-responsabbilita’ ta’ din it-telfa politika? B’dak li għamel anke l-valur tal-kredibilita’ qed jiġu mittiefes. Kif jista’ dan il-partit jibqa’ jiġi emmnut meta qed jitlef affarijiet li dejjem żammew lill-Partit Nazzjonalista sod u fuq quddiem?
Ma jistax ikun hemm logħob mal-valuri tal-Partit jekk dan l-istess Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ rilevanti. Bil-mod kif tefa’ l-kliem Dr Bernard Grech kważi ried ifisser li d-Dar Ċentrali hija għall-bejgħ għax il-Partit għandu ħafna dejn. Qalilna li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna assi li jista’ jutilizza biex jaqta’ d-dejn. Fi kliem ieħor, irid ibiegħ il-ġawhar tal-familja. Fil-proċess, numru ristrett ta’ nies jagħmlu profitti fuq il-beni tal-PN minn dan il-bejgħ kif kien jiġri fid-deals li kienu saru fi żmien Simon Busuttil
Imma possibbli ser inbiegħu kollox u dan kollu għax kemm ilu Bernard Grech fit-tmexxija, il-pjaga tad-dejn ma kienetx qed tiġi rikonoxxuta u regolata, kif ġara meta Robert Arrigo ħa f’idejh din il-problema?
Jekk ser nibqgħu nitkellmu b’dan it-ton ta’ negattivita’ jkun qed ifisser li l-Partit Nazzjonalista qed jitfa’ ruħu u ġismu għall-bejgħ. Kif qal l-istess Bernard Grech li jekk ma jieħux deċiżjonijiet importanti jkun qed jissogra li jisparixxi l-Partit Nazzjonalista.