Kap jitneħħa fuq stħarriġ imma mhux fuq telfa elettorali
Minn osservatur politiku
L-istorja tal-Partit Nazzjonalista, illum jew għada, trid tinkiteb. Kulħadd jiftakar għax għadhom friski f’moħħna li f’din l-aħħar sena l-isħarriġ qatt ma kien qed ikun favorevoli għall-Partit Nazzjonalista. Dawn l-istess studji kienu qed juru li l-Partit Nazzjonalista kien qed jgħum fl-istess ilma li kien fih dawn l-aħħar erbatax-il sena. Il-Partit Nazzjonalista ilu għaddej bi stħarriġ ħażin minn wara l-elezzjoni tal-2008. Imma f’din l-aħħar sena r-risposta li kien jagħtina l-Kap kienet dejjem li l-istħarriġ huwa ritratt ta’ dawk il-ftit ġranet ta’ meta jsiru t-telefonati biex joħroġ ir-riżultat tal-istħarriġ.
Bernard Grech kien jgħid li rridu nagħtu każ ta’ kull stħarriġ imma ma tantx kien ikun inkwietat u dejjem jgħid li l-aħjar riżultat kien ser jieħdu fl-elezzjoni. L-elezzjoni ġiet. Ir-riżultat ħadu. It-tkaxkira qalagħha. L-40,000 vot minn taħt sar fatt u ma baqgħax studju jew stħarriġ. Issa ma għadux ritratt imma sar verita’ assoluta. U kif irreaġixxa Bernard Grech għal dan kollu? Ħareġ mill-ewwel jgħid li ser jibqa’ kap. Ħareġ jgħid li għandu f’moħħu t-triq ‘il quddiem. Qalilna li jixtieq mandat aktar qawwi ħalli jkompli fejn ħalla.
Issa jekk Adrian Delia ġie mneħħi minn kap minħabba stħarriġ, x’suppost jiġri minn Bernard Grech wara riżultat ta’ elezzjoni ġenerali, wara stat ta’ fatt? Donnu fuq il-Partit Nazzjonalista waqa’ silenzju kbir. Donnu ħadd ma jrid jiftaħ ħalqu. Ebda deputat minn dawk li tant għajtu fuq l-istħarriġ ta’ żmien Delia ma jrid jikkummenta xejn fuq elezzjoni fattwali. Donnhom waqgħu fil-muta u kollox ser jibqa’ l-istess. Imma għal Delia stħarriġ b’riżultat ħażin ġie mtajjar.
Bernard Grech donnu ser jiġi fdat għall-ħames snin li ġejjin. Jiġifieri taqla’ tkaxkira bħal dik taqtagħlek biljett biex tibqa’ tgawdi għal ħames snin wara. Donnha l-elezzjoni ġiet u ma kellha ebda effett fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Donnu riżultat bħal dak mhux raġuni biżżejjed biex iriegħed kull persuna li tkun fit-tmexxija. Imma mhux faċli tifhem li telfa bħal dik ma titlobx riżenji mingħajr ebda kundizzjoni. Mhux kundanna biżżejjed biex issejjaħ għal riżenji rriversibbli.
Donnu tant il-politika saret logħba finanzjarja li ma hemmx għalfejn tingħata daqstant importanza telfa impressjonanti bħal dik li għadha kif saret xahar ilu. Ma jibqalek ebda kliem ħlief li tawgura l-aħjar riżultati u suċċessi lil min, mingħajr mistħija ta’ xejn, flok refa’ ftit jew ħafna mir-responsabilita’ ta’ dak kollu li ġara, ma ħasibha xejn u reġa talab fiduċja minn min għadu kif qala’ daqqa ta’ ħarta bħal dik.
Il-PN illum huwa mhux biss fallut finanzjarjament, imma fallut ideoloġikament, strutturalment, nieqes mill-viżjoni, mingħajr rieda li jinbidel, ma jafx jaqra s-sinjali tal-lum u mitluf bla ebda direzzjoni!! Barra minn hekk għandu klikek u irħisa li għandhom jaħkmuh u mhux qed iħalluh jaġġorna ruħu. Ma nixtieqx li niġu f’sitwazzjoni li ngħidu li darba kien hemm partit gloruż, il-Partit Nazzjonalista li issa sparrixa u sar part mill-istorja ta’ pajjiżna. Jidher li l-interess ta’ Bernard Grech huwa biss li jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu u wara naraw!!!!!