Il-Partit Nazzjonalista għandu jitlob lil Robert Arrigo biex iservi ta’ mexxej ad interim sal-elezzjonijiet Ewropej

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech semma’ d-dejn kbir li għandu l-Partit Nazzjonalista. Qal li d-dejn leħaq 32 miljun euro. Sakemm kien kap huwa, ma għamel xejn biex irażżan dan id-dejn. Anzi aktar żdied.

Ma hemmx dubju, li Bernard Grech tefa’ l-attenzjoni fuq id-dejn tal-partit b’mossa intenzjonata biex tiddevja l-attenzjoni minn fuq it-telfa elettorali. Imma kif kelli ċans nargumenta, din il-mossa aktar ser tkissru lill-Partit Nazzjonalista.

Il-verita’ hija li sakemm Bernard Grech idum imexxi l-Partit Nazzjonalista, l-ebda big businessman, li għandu jieħu, mhu ser jaħfrilhom mid-dejn li għandu l-PN. Il-big businessmen mhumiex ċwieċ. Jafu li l-din l-operazzjoni li qed tissemma’ finanzjarja, inkluż il-bejgħ tal-każini, hija maħsuba biex erba’ min-nies jagħmlu xi sold. Ġa kien hemm l-istorja infeliċi tal-każin ta’ San Ġiljan.

Bernard Grech stess kien jiftaħar fil-passat, qabel ma daħal fil-politika, kemm iħobb jinnegozzja u jixtri propjeta’ biċ-ċiċri biex jagħmel lira fuqhom. Fuq kollox, l-id il-leminija tiegħu, Ray Bezzina mar ma’ kumpanija tal-kostruzzjoni. B’kumbinazzjoni, Bernard Grech ħareġ jgħajjat li issa jrid ibiegħ il-propjetajiet tal-partit.

Min-naħa l-oħra Christian Peregin sparixxa. Il-kawża li fetaħ fil-qorti kontra NET TV – fost l-oħrajn – għadha għaddejja. Nisperaw li l-media tal-Partit Nazzjonalista ma tinbiegħx lilu!! Jekk jiġri dan, nagħmlu bingo.

Taħsbu li f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-big businessmen ser jersqu lejn il-partit biex jagħtuhom donations kbar? Mingħajr l-appoġġ tal-big businesses, il-Partit Nazzjonalista jista’ jżarma.

Mhux qed ngħid sigriet għaliex dan qalu Robert Arrigo fl-intervista li ta lill-Illum u li kelli ċ-ċans nikteb dwarha. Arrigo qal li f’żewġ maratoni ġabar nofs miljun euro. Mela jidher ċar li fi żmien li Arrigo kien viċi-kap, il-big businesses kienu bdew jersqu lejn il-partit. Issa anki Arrigo sejjer. Ma jridx jibqa’ viċi-kap. Issa aktar ser jaħarbu jiġru!

B’hekk kieku l-Partit Nazzjonalista kellu farka intelliġenza, kien jitlob jew ipoġġi lil Robert Arrigo jew xi ħadd bħalu bħala interim leader b’task speċifiku li jikkontrolla u jwaqqaf id-dejn tal-partit. Anzi jibda jaħdem biex dan id-dejn jibda’ jitħallas. B’dan il-mexxej, il-Partit imur bih sa tal-elezzjonijiet Ewropej. Imbagħad il-Partit Nazzjonalista jimxi minn hemm.

Dak li hu żgur li l-Partit Nazzjonalista ma għandux ibiegħ l-assi tiegħu. Fuq dan il-punt naqbel ma’ Franco Debono. Dak li jrid jagħmel il-PN hu li jħaddem mudelli kummerċjali u uża l-każini bħal ma ġara fis-Siġġiewi jew dak tal-Mellieħa, biex idaħħal il-flus minnhom. Hu fatt magħruf li Arrigo kien qed jaħdem fuq dawn il-mudelli kummerċjali. Arrigo ma hux favur il-bejgħ tal-każini, imma li dawn jiġu kkummerċjaliżżati. Ma għandix dubju li din hija waħda mir-raġunijiet għala twarrab.

Infakkar li dawn il-każini qegħdin fi prime locations fl-irħula u fl-ibliet tagħna. Ħafna minnhom faċilment jistgħu jinkrew bħala ristoranti, child care centres etċ. Tista’ tinżamm parti minnhom biex tintuża mill-kumitati. Imma Arrigo ried li dawn jibqgħu tal-Partit Nazzjonalista. Wieħed ma jbigħx l-assi tiegħu sakemm mhux ġa hemm xi ftehim ma’ impredituri u taf int, x’imkien xi ħadd imbagħad jieħu senserija tajba.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *