Bernard Grech uża l-Kunsill Ġenerali biex iwaħħal f’kulħadd għal din it-telfa elettorali barra fih innifsu
Minn osservatur politiku
Fid-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali Bernard Grech qal hekk:
“Dejjem wegħedtkom l-awtenċità. Dejjem wegħedt li ngħidu l-affarijiet kif inhuma. Faċli li wieħed jgħid l-affarijiet li wieħed jixtieq jisma.”
Smajt b’ħerqa kbira dak li kellu xi jgħid il-kap tal-Partit Nazzjonalista imma l-qawl Malti jgħid, ‘isma’ dejjem u emmen jekk trid’.
Fil-fatt jiena għandi dubji serji mill-awtentiċita’ ta’ Bernard Grech. Għandi dubji serji kemm kien veritier Bernard Grech. Mingħajr tlaqliq ser nistaqsi, huwa veru li trid tibqa’ kap tal-Partit Nazzjonalista għaliex qiegħed komdu finanzjarjament? Mhux qed nistenna xi tweġiba malajr u għalhekk ser nibqa’ ngħid li dik hija r-raġuni għaliex Bernard Grech għamel diskors fejn talab biex jibqa’ hu u li ma jkun kkontestat minn ħadd. Ħa nirriflettu fuq dawn il-mistoqsijiet.
Għalfejn dak il-messaġġ ta’ twerwir lill-kunsilliera? Għalfejn dik in-negattivita’ kollha biex ma jkunx hemm kontestazzjoni? Għalfejn ma trid lil ħadd li joħroġlok għan-nofs? Fuq kollox x’suppost tistenna meta għadek kif tajt lill-Partit Nazzjonalista l-akbar telfa li qatt ġiet reġistrata? Għaliex ma kontx umli biżżejjed u tammetti li l-ikbar biċċa tat-tort tat-telfa taqa’ fuq spallejk? Għalfejn ippuntajt subgħajk lejn kulħadd barra lilek innifsek? Għaliex kulħadd għamel il-ħażin barra int?
Fil-Kunsill Ġenerali kienet l-ewwel okkażjoni fejn seta’ jagħmel referenza lejn it-telfa kbira li ġarrab il-partit li hu jmexxi. Ma ħassx il-bżonn li b’xi mod jiskuża ruħu għal dak ir-riżultat li jħammar wiċċ il-partit tiegħu. Ma tarax li mhux ser jerfa’ xi responsabilita’. Mhux talli ma ammettix li kellu xi tort, talli mingħajr mistħija ta’ xejn għamel diskors biex jiskoraġġixxi lil xi ħadd li jikkontestah.
Dr Grech għalfejn deherlek li għandek tgħid li jekk ikun hemm kontestazzjoni l-partit ser ikompli jsoffri minn aktar tifrik? Int taħseb li għandek xi dritt divin li tibqa’ int u ħadd ma jmissek jew jiċċalenġjak? Kif ma tistħiex li tħossok daqshekk superjuri li tgħid li int biss tista’ ssalva lill-Partit Nazzjonalista? Kellek iż-żmien tiegħek, allura ma jidhirlekx li għamilt ħiltek imma ma rnexxejtx? Tħossok umli biżżejjed li almenu titfa’ r-riżenja tiegħek u wara tara jekk ikunx hemm ix-xewqa ta’ xi ħadd jew xi wħud li jixtiequk u tissottometti ismek?
U nerġgħu għall-mistoqsija prinċipali jekk tridx tibqa’ hemm minħabba l-finanzi? Issa ser nistaqsi oħra; inti ma rreżenjajtx biex tibqa’ dieħla l-paga kemm bħala Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll bħala Kap tal-Partit barra perkaċċi oħra li qed tiggwadanja minnhom?