Is-suċċess ta’ Marine Le Pen anki jekk tilfet l-elezzjoni presidenzjali: issaħħaħ il-popolarita’ tagħha f’reġjuni normalment assoċjati mal-ħaddiema.
Blog post minn Dr. Hermann Farrugia
Marine Le Pen ilbieraħ irnexxielha tikseb għaliha l-preferenza ta’ aktar minn tlettax-il miljun votant, b’maġġoranza assoluta fi tliet reġjuni minn tlettax u f’mijiet kbar ta’ distretti komunali rurali-agrarji fejn demografikament jispikkaw eletturi mill-klassijiet tal-ħaddiema tal-Id, dawk salarjali inkluża popolazzjonijiet sħaħ li huma ġeneralment anqas edukati, jgħixu b’paga prekarja jew għax vulnerabbli jiddependu perennjalment mis-sostenn soċjali tal-Istat Franċiż.
Għall-kuntrarju l-President Macron, minn membru tal-kabinett Soċjalista ta’ François Hollande, kien iġġenera l-guts biex spiċċa irreżenjalu minn Ministru tal-Ekonomija sabiex bl-għajnuna ta’ sieħbu, François Bayrou (esponent politiku tal-partit taċ-ċentru magħruf fi Franza bħala UDF u wara anke ex-kandidat Presidenzjali bil-Formazzjoni moderata magħrufa bħala MODEM ), irnexxilu iwaqqaf il-Partit Ċentrist La République en Marche fl-2016.
Macron kien pront (b’ċertu akumen mentali rigoruż, determinazzjoni fiżika u ambizzjoni politika liema bħalha) isir kandidat validissimu għall-elezzjoni presidenzjali ta’ April 2017.
Il-biża’ fi Franza huwa li fl-elezzjonijiet amministrattivi li huma ppjanati għall-aħħar ta’ Ġunju, Marine Le Pen jew aħjar il-partit tagħha ser jmur tajjeb u l-mekkaniżmu konstituzzjonali li nħadem biex iħalli lill-partiti ż-żgħar barra mis-sistema parlamentari issa jaħdem kontra l-partiti stabbiliti li tilfu l-appoġġ tal-elettorat Franċiż.
Fi Franza, inħolqot sistema li tiffavorixxi lil dawk il-partiti li jġibu numru sostanzjali ta’ voti u dawn il-partiti jispiċċaw ikollhom ir-rappreżentanza fil-parlament. Mir-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali, jidher ċar li l-kandidati tal-partit ta’ Marine le Pen ser ikollhom aktar ċans din id-darba li jitilgħu fil-parlament Franċiż billi jmorru għat-tieni round elettorali ta’ dawn l-elezzjonijiet.
Jekk il-partit ta’ Le Pen iġib il-maġġoranza tal-voti f’dawn l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, il-President Macron ikun irid jgħidilha biex tifforma gvern u fi Franza, din it-tip ta’ tmexxija tissejjaħ koabitazzjoni politika. Finalment l-elezzjoni presidenzjali Franċiża li għadha kif għaddiet wriet li Le Pen hija l-partit primarju tal-oppożizzjoni u għandha ċans tidħol fil-parlament.
Wieħed hawn ifakkar kif storikament Franza kellha numru tal-perjodi fejn politikament kien hemm koabitazzjoni kostituzzjonali, jiġifieri fil-poter amministrattiv/esekuttiv tal-Istat Franċiż ikun hemm partit li ma jkunx il-partit tal-President Franċiż, imma partit immexxi mill-istess rival tal-president Franċiż.
Fl-istorja Franċiża, dan mhux xi eżerċizju feliċi u wisq anqas m’huwa mekkaniżmu li kapaċi jixpruna governanza dinamika, effikaċi u effettiva. Għar-raġunijiet ovvji partikolarment meta t-terminu tal-presidenza ikun qed jersaq lejn tmiemu u l-kampijiet partiġġjani rispettivi opposti jkunu ser jerġgħu jiffaċċjaw inkontri elettorali ta’ ċertu portata, persuni li jkollhom interess li jsiru presidenti jitfgħu isimhom u b’hekk jispiċċa f’rivalita’ diretta mal-president. Din ir-rivalita’ tikber jekk ikunu minn partit oppost.
Din l-isfida kostituzzjonali intrinsikament delikata u anke possibilment skifuża għall-aħħar diġa’ seħħet darbtejn tul l-aħħar żminijiet ‘moderni’ tas-Cinquième République Franċiża. L-eks-President Soċjalista, François Mitterrand, fil-1986 kellu ta’ bilfors jappunta bħala Prim Ministru tiegħu lir-rivali qalil tiegħu stess Jacques Chirac li kien il-Leader tal-Partit Ċentru-Lemini u Gaullista li kien jismu ‘Rassemblement pour la République’ (R.P.R.). L-atteġġjament personali li segwa ta’ bejn dawn iż-żewg mexxejja ma tantx qatt seta’ jiġi deskritt jew imfisser bħala ‘ċivili‘ u wisq anqas mutwalment ‘kordjali’.
Paradossalment, din l-istorja politikament mwiegħra u umanament kiefra kienet irrepetiet ruħha eżattament bil-maqlub, lejn nofs l-ewwel perjodu presidenzjali ta’ Jacques Chirac bejn l-1997 u l-2002. Kien hawnhekk li r-rwoli tal-poter kienu ġew politikament invertiti u l-President Chirac kellu obligatorjament ibaxxi rasu wara t-telfa umiljanti tal-partiti taċ-ċentru Lemin (RPR u UDF) fl-elezzjoni legiżlattiva antiċipata wara x-xoljiment prematur tal-Assemblea Nazzjonali mill-istess President Chirac. Dakinhar u sorprendentement għalih, kien ħareġ rebbieħ is-Soćjalist Lionel Jospin li kien mexxa l-koalizzjoni tal-partiti tax-Xellug plurarju (La Gauche Plurielle). Jospin naturalment kien inħatar Prim Ministru ta’ Franza u dam fil-kariga għat-term sħiħ sal-elezzjoni presidenzjali tal-2002. Jospin kien ħareġ anki għall-president imma tilef ma’ missier Marine Le Pen u l-presidenzjali kien rebaħhom Chirac. Dan il-perjodu ta’ gvern kien sewa l-karriera politika ta’ Jospin.
Infatti allavolja din kienet sitwazzjoni skifuża għall-aħħar, did-darba għall-ego personali tal-President Jacques Chirac, din il-ħatra koabitattiva governattiva kkostitwixxiet wieħed mill-aktar perjodi effikaċi, leġiżlativament dinamiċi u produttivi tal-Ħames Repubblika Franċiża. Tant li kienet tabilħaqq inħasset bħala ħasda politika qawwija li dal-mertu qawwi li kien jistħoqqlu l-Prim Ministru Jospin ma kienx ġie rifless fl-andament popolari tal-elezzjoni presidenzjali ta’ April 2002 fejn għall-ewwel darba l-Partit Soċjalista, tramite Jospin stess, kien ġie megħlub minn Jean-Marie Le Pen, missier il-kontendenta tal-lum Marine Le Pen, u li dak iż-żmien kien il-Leader tal-formazzjoni tal-Lemin Estrem il-Front National (F.N.).
Hija Marine Le Pen stess, kif ġie fid-deher lbieraħ filgħaxija, li maż-żmien b’mod perseveranti u formidabbli irnexxielha timmodera ruħha (anke jekk pjuttost opportunistikament) f’Moviment magħruf bħala Rassemblement National (R.N.) li issa evolva popolarment u sar elettoralment bil-bosta aktar aċċettabbli u anke potenzjalment elettibbli.
Issa nistennew u naraw jekk l-Istorja kumplessa u politikament skabruża tal-Ħames {5} Repubblika Franćiza jirnexxilhiex tirrepeti ruħha għat-tielet darba fl-inkontri tat-12 u tad-19 ta’ Ġunju li ġej f’koabitazzjoni oħra. Permezz ta’ dawn iż-żewg rounds ‘leġislattivi ’, il-poplu Franćiż ser jerġa’ ikun imsejjaħ sabiex jeleġġi l-577 Membru deputat tas-sittax (16 ) l-Assemblea Nazzjonali li tikkostitwixxi il-Kamra t’Isfel tal-Parlament (Kamra tar-Rappreżentanti) tan-Nazzjon Franċiż.