Li kieku kien għaqli, Bernard Grech kien jagħti lil Carm Mifsud Bonnici, lil Chris Said u lil Mario de Marco l-aħjar pożizzjonijiet għax kienu fil-gvern ta’ Gonzi

Fil-mod ta’ kif Bernard Grech għażel ix-shadow cabinet tiegħu tilef u mhux akkwista kredibilita’ politika għall-Partit Nazzjonalista. Din riedet tibda mill-ewwel u għażliet li riedu jsiru kellhom ikunu maħsuba biex isaħħu din il-kredibilita’ u mhux kif ġara, aktar idgħajfuha.

Diġa’ ittieħdu ħafna deċiżjonijiet ħżiena minn Bernard Grech fejn minħabba fihom spiċċa f’kontroversja politika għal xejn. B’ċertu għażliet u dikjarazzjonijiet li għamel l-istess Bernard Grech, spiċċa wassal messaġġ totalment bil-maqlub ta’ dak li ried jilħaq.

Wara l-famuż post ta’ Jason Azzopardi, wieħed ikun qed jagħmel konklużjoni tajjeb meta jikteb li kien Bernard Grech innifsu li qal lil Chris Said, Mario De Marco u Carm Mifsud Bonnici li ma jridhomx fix-shadow cabinet tiegħu għaliex kienu ma’ Lawrence Gonzi. Fi kliem ieħor, Bernard Grech qed jimita l-iżbalji ta’ Robert Abela li qed ineħħi lil dawk id-deputati li huma mitqiesha li kienu ta’ Joseph Muscat.

Il-PN ma għandux għalfejn ikun kritiku jew jistħi mill-gvern ta’ Gonzi. Anzi, li kieku kien għaqli, lil dawn it-tlieta li kienu ta’ Gonzi, Bernard Grech missu tahom l-aħjar pożizzjonijiet. U l-aħjar pożizzjonijiet ma jinstabux fix-shadow cabinet. Dawk huma titli ta’ sorveljanza. L-aħjar pożizzjonijiet li ser jħallu marka fuq l-elettorat jinsabu x’imkien ieħor.

B’hekk il-problema mhux li Bernard Grech ħalla lil Chris Said, lil Carm Mifsud Bonnici jew lil Mario de Marco barra mix-shadow cabinet. Il-problema tinsab fil-fatt li ma għarafx jikkapitalizza fuq l-esperjenzi ta’ dawn it-tliet deputati tiegħu.

Li kieku Bernard Grech ried ikun kredibbli, kien jagħti l-pożizzjoni ta’ chairman fil-kumitat tal-kontijiet pubbliċi lil Dr. Mario de Marco u mhux, bir-rispett kollu, jafdaha f’idejn prinċipjant li mill-ewwel ħareġ juri li lanqas jaf x’jgħidu lis-standing orders marbutin ma’ dan il-kumitat. B’nomina bħal dik kien jerġa’ jagħti stima lill-istess kumitat li fil-leġislatura ta’ qabel spiċċa qisu farsa drammatika. B’hekk il-preżenza ta’ de Marco fit-tmexxija ta’ dan il-kumitat, għaliex dan hu kumitat immexxi mill-oppożizzjoni, kienet tintuża biex jintbagħat messaġġ mal-elettorat, li l-PN means business. Ma għandix dubju li Mario de Marco għandu l-esperjenza meħtieġa u l-istatura neċessarja biex imexxi dan il-kumitat u jħalli l-impattat misħoq.

Lil Dr. Chris Said missu tefgħu bħala whip tal-Partit Nazzjonalista. Kien ikun Dr Said li jikkumbatti ma’ Chris Fearne bħala Leader of the House. Dr Chris Said kien jaqta’ figura tajba f’dik il-pożizzjoni għaliex huwa grintuż biżżejjed biex jieqaf għad-drittijiet tiegħu u tal-Partit. Fuq kollox jaf is-sistema tal-Parlament tagħna tajjeb ħafna. Hu kien segretarju ġenerali u dan hu ta’ għajnuna għal din il-kariga. F’din il-pożizzjoni trid persuna b’saħħitha li tkun kapaċi tmexxi ‘l quddiem il-mozzjonijiet tal-oppożizzjoni f’parlament fejn l-oppożizzjoni għandha deficit fin-numru ta’ deputati.

Dr. Carm Mifsud Bonnici seta’ ħa il-pożizzjoni ta’ Deputy Speaker. Kien ikun għall-altezza tal-ispeaker innifsu. Anzi kien joffri alternanza tajba lil Anglu Farrugia. B’hekk kien jaqta’ figura anki ma’ dawk li jsegwu l-parlament. Infakkar li Carm Mifsud Bonnici huwa persuna stmata miż-żewġ naħat. Huwa persuna li ġejja minn familja ta’ politiċi – tliet ġenerazzjonijiet – servew fil-parlament Malti. B’hekk huwa għall-altezza biex jagħti ruling u jkun kmand tiegħu nnifsu fil-parlament. Carm Mifsud Bonnici kien ikun idoneu biex jieħu din il-pożizzjoni għax kien jħabbatha anke legalment mal-ispeaker.

Dawn kienu ikunu deċiżjonijiet li juru li l-Partit Nazzjonalista jaf x’irid jagħmel. Kien jibda’ din il-leġislatura bi strateġija tajba u maħsuba. Minflok spiċċa partit li mar jibgħat messaġġi negattivi. B’hekk Bernard Grech spiċċa leġitimizza l-għajta tal-Lejber li l-gvern ta’ Gonzi huwa gvern korrott. Minflok uża tliet deputati li l-aktar jistgħu juru t-triq ‘il quddiem fil-parlament, minħabba l-esperjenza li għandhom, Bernard Grech spiċċa ramihom.

One thought on “Li kieku kien għaqli, Bernard Grech kien jagħti lil Carm Mifsud Bonnici, lil Chris Said u lil Mario de Marco l-aħjar pożizzjonijiet għax kienu fil-gvern ta’ Gonzi

  1. Prosit immens Dr Mercieca ghax dak li ktibt ghax jaghmel hafna sens. Imma sfortunatament Bernard Grech huwa vittma tal-predugizzji tieghu stess. Bernard Grech ma jimxiex bis- sens kommun imma skond kemm ghandu grazzja mal-individwu. Bernard Grech warrab nies ta’ esperjenza ghax ihoss mhedded mill-esperjenza taghhom. Irrid iz- zghar halli jkun jista jikontrollhom kif irrid. Wara l-pompa u
    “l-over inflated ego” ta’ Bernard Grech hemm bniedem insigur. Jhossu komdu maz-zghar. Id-deputat li huma ta esperjenza iwerwruh.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *