It-tweġiba tiegħi lil sieħbi Antoine Vella.

Sieħbi Antoine Vella bagħatli tweġiba għall-artiklu dwar il-kumment li ktibt dwaru: qed inġibu kif bagħtuli u li ġie ppubblikat taħt l-artikli li ktibt dwaru. Dan hu dak li kiteb Antoine Vella

Simon, ippermettili nikkoreġi l-impressjoni li għandek dwar id-dissens tiegħi.

Il-fiduċja f’Bernard Grech m’għandha x’taqsam xejn ma dan kollu u hija interpretazzjoni personali tiegħek li ma nafx kif wasalt għaliha; żgur mhux minn kliemi.

Il-Partit Nazzjonalista għamel għażla strateġika li jkun il-partit tal-kaċċa, xi ħaġa li awtomatikament teskludini. Hija għażla leġittima, għax kif hawn partiti ambjentalisti jista’ jkollok partiti tal-kaċċa. Għaliex le? Imma jien ma nistax nappoġġja partit hekk.

Issa jekk b’dan il-pass il-PN hux qed isegwi l-Labour jew le ma jimpurtanix; hemm bżonn neħilsu minn din il-mentalità li kollox nanalizzaw b’lenti ta’ pika partiġġjana.

Li jimpurtani hu li l-posizzjoni preżenti tal-PN mhijiex kompatibbli mal-prinċipji tiegħi rigward l-ambjent. Huwa biss dan li qed nesprimi u xejn iktar.

Qed tieħu żball meta tipprova tippersonalizza l-kwistjoni u ddaħħal lil Bernard Grech fin-nofs. Mill-artikli tiegħek nifhem li għandek aġenda – fiha nnifisha ħaġa leġittima wkoll – u tinterpreta l-affarijiet b’mod li jkunu jaqblu magħha. Filwaqt li din hija ħaġa naturali, ma tridx tasal sal-punt li tpoġġi kliem f’ħalq dak li jkun u tattribwixxi opinjonijiet li qatt ma ġew espressi.

Ovvjament jien ukoll għandi aġenda u, filwaqt li nirringrazzjak li wassalt il-messaġġ tiegħi lil pubbliku iktar wiesgħa, niddikjara li l-interess tiegħi huwa biss il-prinċipju tal-ħarsien ambjentali.

Ma nafx eżatt x’qed tifhem meta tgħid li jien “tlift il-fiduċja f’Bernard Grech” imma huwa titlu żbaljat; ma ngħidlux agħar minn hekk għax ma rridx inkun polemikuż. Li ma taqbilx ma partit politiku, anki fuq punt fundamentali bħal dak tal-ħarsien ambjentali, ma jfissirx li titlef il-fiduċja f’xi ħadd.

Għażiż Antoine, bħal ma taf fir-referendum li sar dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, jien kont ħadt l-istess pożizzjoni tiegħek. Jien kont kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u ma bdiltx il-pożizzjoni tiegħi. L-issue għala tajt importanza lil post tiegħek għax naqbel miegħek li l-Partit Nazzjonalista ma għandux politika ċara dwar il-kaċċa. Fuq dan is-suġġett, il-Partit Nazzjonalista hu qasba tixxejjer mar-riħ. Mill-bqija, illum jien bniedem bħalek – jekk qrajt tajjeb il-messaġġ tiegħek. Bniedem bla partit u bla ebda ambizzjoni – kontra dak li jingħad fuqi.

Mill-bqija nawguralek biex tkompli bil-ġlieda tiegħek favur l-ambjent. Għandek l-ammirazzjoni tiegħi.

One thought on “It-tweġiba tiegħi lil sieħbi Antoine Vella.

  1. Il-Partit Nazzjonalista ghamel zball li hareg favur il-kacca. Il-kaccaturi li kellhom jitilqu l- partit ilhom li telqu l-PN snin ilu. Jhossu li bhala PN gew traduti qabel ir-Referendum tad-dhul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea meta gew imwedgha li l-kacca mhux se tinqata. Il-ftit kaccaturi li baqghu PN mhux se taghmlilhom differenza naghmlux kelliem ghall-kacca jew le. Dawk il-hafna kaccaturi li telqu l-PN snin ilu anqas mhu se jigu lura ghax ghamilna kelliem ghall-kacca. Meta dan il-pass serva biss biex nitilfu aktar nies validi bhas-Sur Antione Vella. Dan ikompli juri kemm il-PN sfortunatament tilef il-hassieba li kellu u min qed jiehu id-decizjonijiet hu dilletant li ma jifhimx fil-politika. Tabilhaqq tragedja ghall-partit bi storja glorjuza bhall-P.N.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *