X’intqal s’issa dwar l-elezzjoni ta’ kap fil-Partit Nazzjonalista
Minn dak li taqra fuq diversi gazzetti u media oħra soċjali tifhem li hemm diversi ħsibijiet dwar dak li ser jiġri fil-Partit Nazzjonalista u t-tmexxija tiegħu. Fosthom anke deputati qed iressqu ħsibijiet diversi fuq dawn iż-żminijiet xejn ċari fil-partit. Hemm min iddikjara li ftit jidher li ser ikun hemm bdil fit-tmexxija. Dan għaliex ma tantx hemm aptit għall-elezzjoni kumbattuta ta’ kap. Donnhom qed jaħsbu wkoll li l-Partit Nazzjonalista ma jiflaħx għal elezzjoni ta’ kap f’din is-sitwazzjoni tant diffiċli li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Oħrajn qed jgħidu li mhux qed jissemma xi isem biex jieħu post Bernard Grech. Anżi internament jidher li ħadd ma jrid joħroġ għonqu għal dik il-pożizzjoni. Ma hemmx għalfejn jgħidulna għax nafu li min jersaq jaf li hemm piżijiet enormi xi jġorr u s-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista m’hijiex faċli, kemm fuq livell politiku, amministrattiv u finanzjarju.
Hemm oħrajn li qed jgħidu li Bernard Grech għad għandu biżżejjed appoġġ biex jerbaħ xi kontestazzjoni li jista’ jkollu. Ir-raġuni hija li Dr Grech kien ilu hemm ftit żmien wisq biex seta’ iħalli l-effett neċessarju.
Hemm min qed jikkontendi li huwa importanti ħafna li fil-preżent ikun hemm uċuh ġodda anke fit-tmexxija. Oħrajn qed jammettu li hemm diżappunt qawwi fost is-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista għax ħadd ma stenna disfatta bħal dik.
Apparti dan kollu hemm min qed jgħid li fil-Partit Nazzjonalista waqa’ kwiet kbir. L-uniku tama li qed jara l-votant Nazzjonalista hija li tfaċċaw numru ta’ deputati ġodda li ser ikunu fil-Parlament. Oħrajn qed jgħidu li hemm bżonn ta’ bidla radikali. Qed ikun hemm pressjoni fuq deputati ġodda biex jidħlu għat-tmexxija tal-partit.
Ħafna qed jgħidu li jixtiequ jaraw demm ġdid fit-tmexxija tal-partit speċjalment minn dawk li tfaċċaw f’dawn l-aħħar xhur. Imma donnu waħda mill-akbar xewqat ta’ dawk li qed jikkummentaw hija li hemm bżonn urġenti li tinstab persuna li tkun kapaċi tiġbor lil kulħadd warajha.
Hemm bżonn din il-persuna, li meta jasal iż-żmien, kulħadd ikun warajha, magħqud magħha u iżomm il-kunsens lejha għal tul il-ħames snin ta’ leġislatura.
Hemm min qed jiddieħaq bl-istqarrija ta’ Dr Bernard Grech illi fil-partit hemm enerġija ġdida. Hemm min qed jistaqsi, kif jista’ ikollok enerġija ġdida fid-Dar Ċentrali li tinsab vojta min-nies. Oħrajn qed jgħidu li d-diskors kollu ta’ Bernard Grech huwa biss paraventu biex jibqa’ kap hu, u allura b’mod dirett tibqa’ tmexxi l-klikka li kienet għadha qed tmexxi sal-elezzjoni ġenerali.
Xi ħaġa li qed tinkwieta lil ħafna partitarji hija li Bernard Grech ma tkellem xejn fuq id-disfatta tal-elezzjoni u donnu qed jagħmel ħiltu kollha biex ma jiddiskutix dan is-suġġett. Fl-istess nifs qed jingħad li la Dr Grech ma kienx kapaċi jikkonvinċi lill-votant Nazzjonalista stess, meta wieħed jiftakar dawk l-iskandli kollha li ħarġu, meta ser ikun kapaċi Bernard Grech li jikkonvinċihom?
Qed jintqal ukoll b’mod skjett li Bernard Grech mhux postu iżjed bħala kap u l-Partit għandu jħares lejn xi ħadd mill-ġodda biex jieħu t-tmexxija f’idejh. Qed jiġi sostnut li ma nistgħux inħarsu lejn xi vittorja jekk il-partit jibqa’ jitmexxa minn bniedem, li jgħid x’jgħid, huwa bniedem tellief li ma ismu hemm marbuta l-akbar tkaxkira fl-istorja tal-Partit mill-1955 lil hawn.