Id-dritt ta’ Yorgen Fenech għall-ħelsien mill-arrest.
L-ewwel Parti
Minn osservatur legali
Ftit tal-jiem ilu qrajt li t-talba għal-liberta’ proviżorja li għamel s-sur Yorgen Fenech reġgħet ġiet miċħuda mill-Imħallfa nkarigata mis-smigħ tal-ġuri tiegħu. Forsi tkun idea tajba li nperrċu ftit u npoġġu taħt skrutinju ċertu affarijiet li jiġru l-qorti, li nazzarda ngħid, ma hemmx xi ħeġġa kbira li jsiru magħrufin min-nies. Ir-rappurtaġġ fl-aħbarijiet huwa ħafna drabi skjett wisq u anki mpreċiż. Forsi hemm min għandu ftit ċans jifhem aħjar għax dak li qed jiġri lil Yorgen Fenech, jista’ jiġri lil kull ċittadin Malti.
X’raġunijiet ta l-imputat f’dan il-każ biex jingħata l-ħelsien mill-arrest?
Fis-sottomissjoni għal bail, is-Sur Fenech qal li ilu arrestat aktar minn sentejn u erba’ xhur, li l-in genere u l-investigazzjoni dwaru f’konnessjoni mal-każ huma magħluqa u l-provi miġbura. Hu għalhekk illi m’hemmx biża’ li jkun hemm tbagħbis fil-provi. Dan kollu ilu jgħodd għal dawn l-aħħar sena u nofs.
Kien hemm ukoll l-osservazzjoni li l-qrati Maltin fl-imgħoddi taw il-bail lil akkuzati illi wettqu aktar minn reat wieħed, u anki kienu reċedivi, illi fil-fatt ħarbu minn Malta u kellhom jinġibu lura Malta biex jitkomplew il-proċeduri kontrihom. Intqal li fl-imgħoddi dawk li kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u allura ma kinux jikkwalifikaw għal-ħelsien mill-arrest, xorta ġew meħlusa mill-arrest. F’dan il-każ, ma jeżisti ebda reat ieħor magħmul mill-imputat, u li fil-bidu nett tal-investigazzjoni dejjem kien affidabbli ferm meta kien ġie rrilaxxat mill-arrest.
Ħadd minn dawk li jiġu mogħtija l-ħelsien mill-arrest ma jintalab jagħti garanzija lil hinn minn dik li normalment tintalab mill-qorti. Fuq kollox, fuq ħadd ma jkun hemm dikjarat din il-biża’ ta’ ħarba, għalkemm din il-biża’ teżisti għal kull min jingħata ħelsien mill-arrest. M’hemmx garanżija assoluta li xi ħadd minn dawk li jingħataw il-ħelsien mill-arrest ma jaħrabux jew jagixxu b’xi mod li jikkompromettu l-proċeduri tal-qorti.
Irrid ngħid li kulħadd jista’ jagħmel dak li qed jingħad li l-qorti qed tibża’ minnu – insomma forsi mhux il-qorti l-kelma t-tajba – imma dawk l-irjus kbar li ġewwa qalbhom ħalfu li s-sur Fenech ikollu biss preġudizzju fil-proċeduri kontrih fil-qorti biex jaġevolaw persuni oħra li magħhom għandhom rabtiet mill-qrib – nies fid-dinja tal-politika, dawk qrib il-każ jew nies fin-negozju.
Pero’ s-Sur Fenech diġa’ ta garanziji li jħarsu kontra l-possibilta’ li huwa jaħrab – naħseb kulħadd jifhem li l-mobilta’ tiegħu hija diġa’ kompromessa mill-attenzjoni li rċieva l-każ fil-media – diffiċli li ma tgħidx ġo qalbek – imma dan kif tridu jaħrab jekk kulħadd jaf min hu u l-aċċess għal riżorsi jew mezzi ta’ komunikazzjoni huma taħt kontroll strett?
Hemm metodi kif jinżamm taħt osservazzjoni stretta, imma l-qorti donna ma tridx tikkunsidra dawn il-metodi. Min jaf għalfejn? Where there’s a will, there’s a way. Imma hawn, ir-rieda ta’ ġustizzja indipendenti mill-affiljazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-qorti, ma teżistix. Hemm min ukoll jista’ joffri xhieda tal-karattru u l-imġieba tajba tas-Sur Fenech. Is-Sur Fenech jgħid ukoll illi iktar minn dawn il-garanziji ma jistax joffri.
Għalkemm ma naħsibx li s-Sur Fenech għandu aċċess għal dan is-sit, jien ngħidlu li kieku kien ħaddiehor, l-anqas dawn il-garanziji ma kellu għalfejn jagħti. Kieku, bħal ħaddiehor, la huwa biċ-ċar li mhux ta’ periklu għas-soċjeta’ (imma anki min kien ta’ periklu tħalla joħroġ) kieku l-ħelsien mill-arrest (bail) ġa ngħatalu.