Il-Gvern għandu jinċentiva lill-bdiewa biex din is-sena, il-qamħ ma jarmuhx imma jżommuh
Blog post minn qarrej ta’ dan il-blog
B’referenza għall-artiklu li deher fis-sit tiegħek bl-isem “Ġej il-ġuħ għalina minħabba l-gwerra fl-Ukraina”, fih issemma li l-Kamra tal-Kummerċ qed tirrealiżża li Malta żarmat kull tip ta’ produzzjoni ta’ ikel lokalment. Dan hu veru. Malta tkaxkret mal-idea li mxiet madwar id-dinja kollha. Din l-idea ġiet imbuttata mill-G8, jiġifieri l-akbar tmien pajjiżi li jipproduċu f’dinja. Din hija l-politika tal-globaliżżazzjoni.
Dawn tal-G8 hekk qablilhom għax minnha huma stess kienu dawk li l-aktar ser jibbenefikaw ruħhom. Imma issa x’ġara? Ġara li faqqgħet din il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina. Il-biża’ reali hu li din il gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa tinfirex u saħansitra tista’ twassal għat-Tielet Gwerra Dinija.
Anki jekk ma naħsibx li din il-gwerra tista’ twassal biex issir it-Tielet Gwerra Dinija, xorta din il-gwerra ser ikollha effetti ħżiena fuq pajjiż żgħir bħal tagħna. Din il-gwerra ser tħalli effetti koroh u fit-tul u li fuqhom aħna ma hu ser ikollna l-ebda kontroll. Iva, il-politikanti tagħna u l-poplu immexxi minnhom kienu boloh għax ma ħasbux fuq din l-eventwalita’ u issa ser inpattu għaliha.
Malta spiċċat fi stat li kull ma’ tikkonsma trid timpurtah. L-anqas għall-biedja u trobbija tal-annimali ma baqalna ikel. L-ikel lokali ma bżajniex għalih. Ħadna gost intuh bis-sieq, allavolja dak lokali hu ħafna iktar bnin minn dak impurtat. Daqshekk aħna boloh!
Nasal għall-punt li rrid nagħmel. Fl-Ewropa, inkluż f’Malta resqin lejn ix-xhur li fihom jinħasdu ċ-ċereali, fosthom il-qamħ. Ukraina hi waħda mill-akbar pajjiżi li tipproduċi il-qamħ, xgħir u l-qamħirrun fid-dinja. Il-qamħ hu prodott naturali u jikber darba biss fis-sena. Mela jekk minħabba l-gwerra fl-Ukraina, il-qamħ tagħha jinqered bin-nar, jew il-bdiewa ma ikunux jistgħu jaħsduh u jiġbruh, dan il-qamħ mhux ser jasal fl-Ewropa. B’hekk mill-ħarifa li ġejja ser ikollna nuqqas ta’ provista ta’ qamħ. Dan ifisser nuqqas ta’ provista ta’ dqiq. Id-dqiq huwa wieħed mill-prodotti prinċipali għall-produzzjoni tal-ikel li nikkunsmaw f’pajjżna.
Issa f’Malta ukoll hawn xi bdiewa li jiżirgħu l-qamħ. Imma dan isir biss għall-produzzjoni tat-tiben biex jintuża għat-trobbija tal-annimali. L-iżbula li minnha issir id-dqiq ma tintgħazilx għaliha. Allura din tinħela mat-tiben meta dan jinħasad.
Ħarġet l-aħbar li fi ftit ġranet oħra ser jinfetaħ mill-ġdid il-parlament wara li għaddiet l-elezzjoni ġenerali ġimgħatejn ilu. Il-Gvern għandu mingħajr ħela ta’ żmien u b’mod urġenti jgħaddi liġi jew jagħti istruzzjonijiet biex din is-sena, meta jinħasad il-qamħ, l-iżbula trid tintgħażel u tintrefa għaliha u ma tinħeliex.
Kieku dan isir, xorta mhux ser ikun hawn biżżejjed qamħ biex jagħmel tajjeb għall-ammont ta’ qamħ li Malta tikkonsma, imma għall-inqas kif jgħid il-Malti, “mill-mitluf nieħdu li nistgħu”. Din il-kriżi għandha tixpruna lill-Gvern biex malajr kemm jista’ jkun, jerġa’ jqajjem u jinċentiva kemm hemm bżonn il-biedja u trobbija tal-annimali lokali u fuq kollox il-produzzjoni tad-dqiq lokali..
Iż-żmien li ġej għalina ser ikun wieħed iebes, fejn kull pajjiż ser jaħseb għal rasu. Pajjiż jesporta miż-żejjed li jipproduċi. U jekk ikollu iż-żejjed, ser ikun hemm ħafna li jkunu jridu jixtruh. Dan ser iwassal għall-prezzijiet aktar għola minn normal. Din twassal biex dawn il-pajjiżi li jipproduċu l-qamħ u jkollhom iż-żejjed, jibdew ibiegħuh lill-“Highest bidder”!
Wisq nibża’ li dan Malta ftit li xejn ser tkun tista’ taffordjah!
Sliem