Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ f’salib it-toroq: il-viżjoni konservattiva tal-familja għandha tkun it-triq ‘il quddiem.
Ic-CEO tal-Partit Laburista stqarr li l-aħjar ħaġa għall-Partit Nazzjonalista huwa li jinqasam – fi kliem ieħor il-konservattivi u l-liberali jmorru għar-rashom. Waqt li hu veru li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq, din mhix it-triq quddiemu. It-tweġiba tiegħi hija sempliċi. Il-liberali mhux kapaċi jagħmlu partit għalihom u bħal sangisugi telgħu fuq dahar il-Partit Nazzjonalista biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.
Il-veru problema tal-Partit Nazzjonalista tinsab fil-fatt li grazzi għal dawn il-liberali, il-Partit Nazzjonalista għadu kif għadda minn perjodu fejn ġie jitmellaħ x’inhu importanti għall-individwi u l-familji tagħhom, prinċipji tant għeżież għal kull partit konservattiv ta’ ispirazzjoni Kristjana. Ma kienx jinteressah x’kienu l-isfidi li kienet qed tiffaċċja Malta bħala Nazzjon u x’messaġġ kien qed iwassal l-elettorat dwar x’kienet id-direzzjoni li xtaq jara lill-kandidati tiegħu jieħdu. Dawn huma sfidi li jolqtu lill-familji Maltin. Imma kieku semma l-familja, kien joffendi lil xi erba’ liberali li ħadmulu l-aġenda li l-anqas għandhom sens ta’ x’inhi familja.
Fejn f’dawn l-aħħar xhur l-elettorat kien qed jistenna li jara l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jissaħħaħ jew jibni mill-ġdid lilu nnifsu fuq prinċipji konservattivi, naqas li jippreżenta lill-elettorat b’aġenda ġdida u qawwija. Lanqas biss ressaq ideat ta’ kif ser joffri ideoloġiji ġodda u leġittimi. Minflok intilef fuq proposti immaġinattivi bħat-trackless tram u ċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku.
Ħafna ħasbu li l-Partit Nazzjonalista kien ser jitgħallem xi ħaġa mir-riżultati li kienu qiegħdin joffru s-sondaġġi matul ix-xhur u s-snin. Possibbli li l-Partit Nazzjonalista dak biss kellu x’joffri? Kulħadd fil-Partit Nazzjonalista, bl-eċċezzjoni ta’ Joe Giglio u Adrian Delia, dehru li baqgħu mwaħħlin fl żmien l-2008. Deher li anke dawk il-kandidati l-ġodda li ġew imbuttati mill-establishment imbarmu mal-ħsibijiet ta’ sħabhom u ma offrew xejn ġdid. Min offra il-ġdid, u hawn qed nirreferi għal Alex Borg, ħareġ rebbieħ. Infakkar li dan ma kienx il-kandidat tal-establishment. Kellu l-establishment kontra tiegħu u għamel l-ikbar suċċess fost il-kandidati kollha li ħarġu mal-Partit Nazzjonalista,
Nisperaw li f’dawn ix-xhur li ġejjin, meta hu ttamat li jiġu eżaminati l-istrati kollha tar-riżultati tal-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jiddedika ħin biżżejjed biex janaliżża l-messaġġi li joħorġu mix-xeħta ta’ kif ivvota l-elettorat Malti u Għawdxi. Fil-frattemp irid isir eżami tal-kuxjenza jew studju profond li jwassal x’ser tkun it-triq tal-futur tal-Partit Nazzjonalista. Forsi hemm bżonn li isir eżami qawwi ta’ kif il-partit jara l-affarijiet mil-lenti ta’ oħrajn, mod partikolari tal-familji Maltin. Irid isir ippjanar tajjeb għall-futur u tiddaħħal dixxiplina iżjed ta’ kif għandhom jaġixxu d-deputati li ser jirrapreżentaw il-Partit Nazzjonalista fil-Parlament. Hawn mhux qed nitkellem fuq ċensura imma fuq linja ta’ ħsieb.
Ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista jkompli jaħseb fuq illum biss u ma jagħtix importanza lill-futur. Dawk fosthom li jħarsu fit-tul għandhom jixprunaw diskussjonijiet ta’ fejn qiegħed illum pajjiżna u x’nistennew li nagħmlu fil-futur. X’futur hemm għall-familji Maltin? Jekk il-partit mhux ser jerġa’ jikseb id-determinazzjoni tiegħu, jekk mhux ser jerġa’ jkun vibranti u jekk mhux ser jaħseb fit-tul, ikun qed jissogra li tant isir insinifikanti li jersaq lejn id-diżintegrazzjoni.