Ġej il-ġuħ għalina minħabba l-gwerra fl-Ukraina
Qed inġib dan il-blog post li John Spiteri Gingell tella’ fuq il-Facebook Page tiegħu. Sibtu interessanti ħafna u qed naqsmu mal-qarrejja ta’ dan is-sit. Sfortunatment is-sitwazzjoni mhix waħda feliċi. Il-Kamra tal-Kummerċ ġa rrimarkat li l-prezzijiet tat-trasport qed jgħolew sew u dan qed iwassal biex jgħolew b’mod stratosferiku l-affarijiet kollha, inkluż dawk tal-ikel. Dan hu dak li John Spiteri Gingell kiteb:
“Meta ‘l fuq minn xahar ilu għidt li ġej iż-żmien tas-sawm, kien hawn min daħak – jekk naraw l-aħħar indiċi mhux talli m’hemm xejn dwar xix tidħak iżda kollox jikkonferma il-pronostiċi – jekk xejn il-pronostiċi m’humiex ilaħħqu mal-prezzijiet – u dan meta għadu (mhux kif qed tgħid il-media) ma bediex jinħass l-effett sħiħ kemm tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna kif ukoll tas-sanzjonijiet u kontra-sanzjonijiet li ġew imposti.
L-effett ta’ dawn probabbli jinħass fl-aħħar tas-sajf jew il-bidu tal-ħarifa (għall-ħafna raġunijiet li mhux ser noqgħod nispjega hawn). Fi żminijiet passati, fi kriżi simili, il-kavallieri mhux jitkellmu fuq is-sussidji joqgħodu (bħal donnu m’hemmx limitu għalihom), iżda kienu jaraw kif jimlew il-fossos mill-aktar fiss bil-qamħ u jagħmlu ċert li kull roqgħa art tinżera’ b’kull m’hemm bżonn.
Issa qed tinduna l-kommunità ta’ negozzjanti li għandna, issa li żarmajna kull tip ta’ produzzjoni u ninsabu totalment għall-ħniena ta’ affarijiet li huma għal kollox ‘l hinn mill-kontroll tagħna. Li kellna naqra sens – nifhmu li dak li qed naraw madwarna huwa l-bidu tat-tmiem tal-globalizzazzjoni u jekk ma rridux eventwalment immutu bil-ġuħ – nerġgħu mmorru bilfors lura għal-lokaliżmu – iżra’ u rabbi u rajna f’idejna kif kien darba qal xi ħadd.
Il-bniedem ma jgħix bl-ispekulazzjoni biss – fl-istorja nitgħallmu li bħalma ngħaddu minn perjodi ta’ ġid ngħaddu ukoll minn perjodi t’għaks. Missirijietna dan kienu jifhmuh b’mod instintiv u għalhekk dejjem ħasbu fl-agħar. Iżda aħna il-bravi. Ħsibna li d-dinja l-ġdida li ħloqna hija d-dinja ta’ John Lennon, dinja fejn il-prosperità hija assigurata li kieku biss nemmnu fiha, fejn il-manna tibqa’ taqa’ mis-sema u kulħadd jgħix kuntent.
‘The end of history’ qalulna! L-istorja tgħallmek li dawn huma delużjonijiet li trid tpatti qares tagħhom. Bħas-soltu, il-għerf insibuh fil-Vanġelu:
“Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu. Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal,’ Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’ Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”