Bernard Grech irid irażżan kull diskussjoni biex ma jkollux kritika waqt l-elezzjoni li ġejja tal-kap
Minn osservatur politiku
L-aktar ħaġa faċli li nistgħu nagħmlu huwa li nikkritikaw lill-Partit Nazzjonalista mill-kumdita’ ta’ darna fuq Facebook u fuq il-mezzi soċjali. Dan huwa kliem li qal Bernard Grech fl-ewwel intervista tiegħu wara l-elezzjoni ġenerali fuq NET TV fl-aħħar siegħat. Kumment li juri li Dr Grech mhux beħsiebu jaċċetta kritika minn partitarji tal-partit fuq il-mezzi soċjali.
Dr Grech irid jifhem li d-dinja qed tavvanza u issa tatna l-possibilita’ li kulħadd jista’ jikkritika fuq Facebook. B’dan il-kumment qed jgħid li mhux beħsiebu jimxi mal-progress u jħalli lil kulħadd jagħmel fattih u jikkritika kemm irid. Dan huwa kumment li qed joħnoq id-diskussjoni pubblika u qed jipprova jirrestrinġi lil min għandu xi jgħid imma ma jridx li jmur isemma’ leħnu fid-Dar Ċentrali jew postijiet oħra simili.
B’liema dritt Bernard Grech jipprova irażżan il-kritika popolari? Għaliex għandu jagħlaq ħalqu kulħadd? U għaliex qed jaħseb li min jikkritika fuq Facebook għandu skop li jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista?
Għal Dr Grech min jagħmel il-kritika fuq il-mezzi soċjali għandu intenzjoni waħda, dik li jagħmel il-ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Jaħasra x’pwerilita’. Kif jista’ dan il-bniedem li mingħalih jaf kollox irażżan il-kritika tal-poplu fuq affarijiet li mhux qed jintgħoġbu u li għadu jagħmel il-partit? Tgħid qed jgħid hekk għax wasal iż-żmien tal-elezzjoni tal-kap u ma jridx min joqgħod jikkritikah? Tgħid mingħalih ser jipprova joħnoq id-diskussjoni pubblika fuq mezz tant popolari u li tant qed jintuża matul iż-żmien ta’ din l-elezzjoni? Għalija din hija r-raġuni vera għala Bernard Grech tkellem kif tkellem.
Inutli li qed jitlob u inutli li jixtieq għax kull min għandu xi ħaġa xi jgħid għandu dritt jgħidha. Imma imbagħad faqa’ il-bużżieqa meta qal li ser jibda jiddixxiplina. U x’passi ser jieħu ta’ min jistaqsi? Tgħid ser iżomm lil xi ħadd milli jittessera ruħu? Tgħid ser jibda jkeċċi n-nies mill-Partit Nazzjonalista u dan kollu għax issir kritika li lilu ma togħġbux.
Għamel pjaċir lil kulħadd u ħalli lil kulħadd fil-liberta tiegħu. Kull ma għandek tagħmel Dr Grech hu li tagħti każ tal-kritika li qed issirlek.
Nagħlaq dan l-artiklu b’kumment li qrajt fuq il-Facebook għaliex verament laqatni;
“Sakemm Alla jtini n-nifs, ma niskot qatt ngħid il-verita… It-theddid ma bżajtx minnu l-bieraħ, wisq inqas se nibża llum…“