Id-dundjani li vvotaw għall-Milied kmieni: is-sinifikat tal-vot meħud ilbieraħ fil-Parlament Ewropew kontra r-Russja

Minn Romegas

Third Basic Law of Human Stupidity:

A stupid person is one who causes losses to another person or a group of people while they gain nothing or may even suffer losses.  – The Basic Laws of Human Stupidity

II-bieraħ il-Ħamis, sebgħa t’April fis-sena Anno Domini elfejn u tnejn u għoxrin, il-parlament Ewropew ivvota favur resoluzzjoni li ssejjaħ għall-embargo totali tal-importazzjoni ta’ żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass mir-Russja. Din l-istituzzjoni talbet ukoll li r-Russja tinqata’ totalment min-netwerk bankarju SWIFT u minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

Din ir-reżoluzzjoni li għall-grazzja t’Alla m’għandhiex saħħa legali u hija biss ta’ natura konsultattiva għaddiet b’maġġoranza ta’ 513, b’19-il astenzjoni u 22 vot kontra. Hija ta’ ftit konsolazzjoni li fost dawn id-dundjani hemm almenu 41 li mhux lesti jivvotaw għall-Milied kmieni u wieħed jittama li fil-Kummissjoni Ewopea u l-istati membri hemm biżżejjed adulti b’sens u għaqal f’moħħhom biex jinjoraw din ir-reżoluzzjoni.

Għax trid tkun dundjan prim biex tivvota b’dan il-mod suwiċidjali – li qed naraw hawn huwa ġenn kollettiv jaħkem klassi politika li tgħix f’bużżieqa tagħha maqtugħa mir-realtà. Li qed naraw m’hu xejn ħlief il-‘virtue signalling’ li tant ħakem il-kultisti Woke li mingħalihom jistgħu jikkanċellaw l-akbar pajjiż fid-dinja li biex taqsmu min-naħa għall-oħra trid tirranġa l-arloġġ ħdax-il darba u li jinzerta wkoll mżewwaq b’aktar minn 20% tar-riżorsi naturali fid-dinja u f’ċerti setturi tant neċessarji għall-għixien tagħna, perċentwali saħansitra ferm ogħla – bħallikieku qed tikkanċella xi ħadd minn fuq il-midja soċjali.

Li kieku kienu kapaċi jagħmlu naqra riċerka indipendenti jew tal-anqas jikkonsultaw mal-esperti fl-industriji li huma lesti li jeqirdu mingħajr ħsieb ta’ xejn, malajr jitgħallmu li għall-Ewropa b’mod partikolari huwa letteralment impossibbli li tinfatam kompletament mir-riżorsi tar-Russja jekk ma tridx iżżarma kompletament il-ftit industrija li fadlilha u toqtol lil niesha bil-ġuħ. Hija fantasija – bħal ma hi fantasija li nistgħu naqilbu u niddependu fuq sorsi alternattivi ta’ enerġija ferm anqas effiċjenti u ferm aktar kostuża mingħajr ma l-industrija Ewropea titlef il-ftit kompettività li fadlilha. Hija fantasija li wara li għamilna deċenni nżarmaw l-industrija nuklejari mingħalina ser nibnuha f’ħakka t’għajn – fantasija li teżisti biss f’imħuħ infantili li jaħsbu li l-ekonomija mondjali titmexxa minn Tinker Bell.

Mill-gass u ż-żejt sal-faħam u mill-qamħ sal-azzar, pajjiż wara l-ieħor diġà qalilna li m’hemmx mod biex huma jagħmlu tajjeb għal dak li tforni l-Ewropa bih ir-Russja lanqas jekk iridu – qalulna li l-produzzjoni tagħhom diġà tinsab fil-massimu tagħha u li m’humiex kapaċi jagħmlu tajjeb. Id-Dundjani donnhom ma jifhmux lanqas li mhux fl-interess tagħhom li jżidu l-produzzjoni anki li kieku jistgħu, meta għandhom l-opportunità jagħmlu dħul akbar minn prezzijiet ogħla bħalma donnhom ma jifhmux li pajjiżi bħall-Venezwela jew Iran ser jiġu jiġru jagħtuna l-għajnuna billi jagħmlu tajjeb huma wara li għamilna snin nagħmlulhom ħajjithom miżerja bis-sanzjonijiet.

Lanqas sħabna l-Amerikani li jgħidu li għandhom għall-qalbhom l-aħjar interessi tagħna ma jistgħu jgħinuna għax issa, wara li fattarniha, qed jgħidulna li m’għandhomx minn fejn – sew jekk gass, jew faħam jew kwalunkwe ħaġ’oħra.    

Jgħidulna li hija immorali li nixtru mingħand ir-Russi – però din mhix kwistjoni ta’ moralità. Li kieku kienet kwistjoni morali kienu juru l-konsistenza morali  – fejn kienet il-moralità tagħhom fil-gwerra minsija li ilha għaddejja għal seba’ snin (u għada għaddejja) fil-Yemen fejn inqatlu mijiet tal-eluf ta’ nies innoċenti frott  il-bumbardament indiskriminat u l-imblokk marittimu tas-Saudi Għarabja – fejn kienu d-dundjani? Fejn huma s-sanzjonijiet? Għalfejn gvernijiet Ewropej jibqgħu jissupplixxu dan il-gvern brutali u medjevali bl-armamenti tal-gwerra? Fejn kienet il-moralità tagħhom fl-Iraq meta flimkien mal-Amerika, il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej invadew pajjiż abbażi ta’ gidba? Invażjoni flimkien ma’ sanzjonijiet li qatlu ‘l fuq minn miljun ruħ fosthom nofs miljun minnhom tfal bla ħtija – prezz li Margaret Albright li għadha kif ħallitna biex tiffaċċja il-Ħallieq tagħha, qaltilna li kien “worth it”. Għax m’għamlux sanzjonijiet kontra l-Amerika dak iż-żmien – fejn kienu d-dundjani? Jew xi ngħidu għall-katastrofu fil-Libja jew is-Sirja – jew fil-Jugoslavja? U xi ngħidu għal dawn l-aħħar tmien snin fejn l-armata tal-Ukrajna li mifquha bin-Nażżisti  għażlet li tagħmel gwerra kontra niesha stess u qatlet tal-anqas ħmistax-il elf ruħ, ħafna minnhom nisa u tfal, gwerra li fiha l-president Ukren bl-aktar mod moqżież ftaħar li ‘it-tfal tagħhom ikollhom jgħixu fil-kantini’?  Qatt ma messithom il-kuxjenza lil dawn in-nies?

Li kieku riedu jkunu morali – apparti li ma kienux jinstigaw kolp ta’ stat illegali fl-Ukranja kienu issa la fatta, almenu jaraw kif jagħmlu sforz ġenwin biex jikkalmaw is-sitwazzjoni, kif jista’ jintlaħaq qbil ekwu li jieħu inkonsiderazzjoni l-interessi ta’ kulħadd kif suppost kellhom jagħmlu permezz tal-obbligi li ffirmaw f’Minsk I u II u mhux ikomplu jfornu lill-Ukreni bl-armamenti li kull m’hi sa sservi hi biss biex titwal il-gwerra u jmutu ferm aktar nies innoċenti – u jonqsu ċ-ċansijiet li jibqa’ xi ħaġa mill-Ukranja jekk mhux jgħibu għal kollox għax kulmin jaf u jifhem il-mentalità Russa, u studja l-istorja tagħha jaf li aktar ma trosshom u ġġiegħlhom jħallsu prezz għoli aktar jimmobilliżżaw ruħhom u jsiru aktar ddeterminati u emmnuni meta ngħidilkom Ir-Russja jekk u verament trid, bil-qawwa l-għandha tista’ ġġib l-Ukranja trab. Temmnux il-ħrejjef li taraw fuq il-midja tagħna, li qegħda hemm biss biex toħloq u tmanti narrattiva – s’issa r-Russi apparti milli utiliżżaw frazzjoni żgħira tal-armata tagħhom kemm f’ammonti ta’ nies kif ukoll ta’ armi qerrieda – qed jagħmlu sforz kbir biex jevitaw mwiet fost iċ-civili, sforz li tiegħu qed iħallsu prezz konxju iżda dan għandu l-limiti – u l-limiti mhumiex xi kunsiderazzjoni li jieqfu jew jċedu iżda li jużaw metodi aktar qerrieda sabiex jirbħu bl-anqas prezz possibbli jekk il-gwerra titwal u l-imwiet tagħhom jiżdiedu.

Din mhix moralità imma ipokrezija mill-aktar perfida.

Li kieku ridna nkunu morali ma konniex nuru l-impotenza tagħna billi nippenaliżżaw lill-atleti, jew l-atturi jew l-istudenti Russi sempliċiment għax huma Russi – kulma għamilna b’daqshekk huwa li nsaħħu l-perċezzjoni f’għajnejn il-poplu Russu, li Putin u l-gvern tiegħu għandhom raġun – li verament nobogħduhom u rridu noqtluhom anki akkost li noqtlu lilna nfusna bil-ġuħ – u kulma nkunu qed nagħmlu huwa li nikkonvinċuhom li għalihom din hi tassew gwerra eżistenzjali.

Din mhix moralità iżda żball gravi ta’ ġudizzju.

U għal dan in-nuqqas ta’ ġudizzju l-membri parlamentari Ewropej jiswewna mal-56 miljun kull sena f’pagi mingħajr ma nsemmu l-miljuni l-oħra f’penzjonijiet u benefiċċji.

Li kien għalija lanqas bi stand tal-qubbajt ma kont nafdahom aħseb u ara id-destin ta’ 450 miljun ruħ.

Ta’ dundjani li huma, ma jifhmux li hemm limitu wkoll għall-prezz li lest iħallas l-poplu Ewropew għall-kapriċċi tagħhom u xi mument il-bużżieqa ser tinfaqa’ f’wiċċhom għax iffaċċjati b’sagrifiċċji dejjem akbar jekk mhux saħansitra bil-għaks, is-siġġu komdu tagħhom jibda jidher dejjem aktar lussu li nistgħu ngħaddu mingħajru.

Mingħalihom, li bil-virtue signalling u l-aġir irresponsabbli tagħhom qed jsaħħu s-solidarjetà fi ħdan l-unjoni meta fil-verità, kulma qed jagħmlu huwa mhux biss li jaċċelleraw it-tmiem politiku tagħhom iżda saħansitra dak tal-Unjoni Ewropea nnifisha.

2 thoughts on “Id-dundjani li vvotaw għall-Milied kmieni: is-sinifikat tal-vot meħud ilbieraħ fil-Parlament Ewropew kontra r-Russja

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *