Beppe Fenech Adami jfaħħar lil Adrian Delia la x-xitan irid hekk!

Minn osservatur politiku

Kellna Kap tal-Partit Nazzjonalista li fil-fehma tiegħi pperformja u pperformja tajjeb ħafna fil-kampanja elettorali.” Dan mhux kliem tiegħi imma huwa kliem li ħareġ minn fomm Beppe Fenech Adami deputat li reġa’ tela’ fil-Parlament u li huwa meqjus bħala wieħed minn tal-establishment u perċimess fil-grupp tal-Blue Heroes. Dan qalu mal-mikrofoni tal-Partit Nazzjonalista meta kien qed ifaħħar lil Bernard Grech.

Beppe Fenech Adami ma jistax jagħmel mod ieħor għax hu kien wieħed li tħabat kemm felaħ biex Bernard Grech jieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Ma jistax jonqos li Beppe ifaħħar lil Bernard Grech meta nafu li wasal il-mument li Dr Grech jaffaċċja elezzjoni oħra din id-darba biex ikun rekonfermat kap tal-Partit Nazzjoanlista. Kulħadd jaf li l-ewwel kumment ta’ Bernard Grech wara it-telfa kolossali fl-elezzjoni li għaddiet, kien magħmul minn talba lis-sosteknituri tal-Partit Nazzjonalista biex jagħtuh mandat iżjed qawwi ħalli jkompli jmexxi lill-Partit Nazzjonalista.

Skond Beppe Fenech Adami, il-kap tiegħu għamel biċċa xogħol tajba fil-kampanja elettorali. Huwa qallu li pperformja tajjeb ħafna. Mela kieku rebaħ il-Partit Nazzjonalista x’superlattiv kien juża Fenech Adami biex jiddeskrivi lill-kap tiegħu? Huwa qal li dik kienet il-fehma tiegħu. Forsi wieħed jista’ jgħidlu biex iżommha għalih il-fehma tiegħu. Imma ma jistax jgħid mod ieħor għax bil-fors ikollu jagħti palata lill-midluk tiegħu u ta’ sħabu biex jippruvaw iżommuh f’postu bħala kap. Il-familja Fenech Adami kienet għamlet kampanja qawwija favur Bernard Grech biex jerbaħ l-elezzjoni tal-kap.

Dan kien jidher ovvju għax Fenech Adami kien jaf li ser ikollu ġlieda qawwija fuq it-tmien distrett minn Adrian Delia u kienet tkun ħafna aktar iebsa li kieku Delia baqa’ kap. Allura Fenech Adami qatel żewġ għasafar b’ġebla waħda, għax neħħa lil Delia minn kap u naqqas il-ġlieda fl-elezzjoni fuq it-tmien distrett. Fenech Adami huwa wieħed minn dawk li jaħseb li għandu xi dritt divin li jibqa’ jsaltan fil-Partit Nazzjonalista. Huwa jaf li b’Bernard Grech fuq il-pultruna ta’ Kap jibqa’ jmexxi hu u sħabu, kemm il-Blue Heroes kif ukoll l-allejati ta’ Repubblika. Huwa għalhekk li joħroġ ifaħħar lil Bernard Grech għax għalih u għal sħabu jaqbillu li jibqa’ Bernard Grech fit-tmun.

One thought on “Beppe Fenech Adami jfaħħar lil Adrian Delia la x-xitan irid hekk!

  1. Dan jaf b’kemm voti tilef il PN u li id diferenza kibret u mhux naqset. Dik veru bicca xoghol tajba kienet. Mela kieku rebah il PN x’kien ikun ghamel. U nesa Dr. Beppe meta qal li Delia mhux il Kap tieghu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *