Viktor Orban u l-Ipokrezija tal-Elitisti Ewropej
Minn Romegas
Viktor Orban, il-prim ministru Ungeriż, għadu kemm rebaħ ir-raba’ elezzjoni in fila din id-darba b’54% tal-vot u huwa ovvju li l-maġġoranza tal-poplu Ungeriż taqbel mal-viżjoni tiegħu għall-Ungerija. Iżda dan il-fatt mhux aċċettabbli għall-elitisti progressivi Ewropej.
Hekk kif tħabbar ir-riżultat, rajna ġurnalisti Ewropej, li Tim Garton Ash tal-Guardian huwa tipiku tagħhom, apertament jiddeskrivu lill-Ungerija bħala “l-għadu fi ħdanna” u jappellaw lill-Unjoni Ewropea biex tippenalizza lill-Ungerija talli eleġġiet il-gvern li ried il-poplu.
“Ir-rebħa ta’ Orban fl-Ungerija tkompli żżid mad-dlam li ħakem l-Ewropa”
jkompli jingħi dan il-paladin tad-demokrazija – u jnebbaħna li
“Orban rebaħ billi wiegħed lil poplu li hu kien ser iżommhom barra mill-gwerra – u li l-kontijiet tad-dawl tagħhom ser jibqgħu stabbli grazzi għall-kuntratti favorevoli li kien iffirma mar-Russja.”
Balleċ, mur obsor – jeżisti prim ministru li kellu l-ardir li ma jinvolvix lill-pajjiżu fi gwerra li mhix tiegħu u li jrid jassigura lil niesu li mhumiex ser jiffriżaw ix-xitwa li ġejja!
Iżda ħaġa razzjonali bħal din, donnha ġġiegħel l-ewrofili jheżżu snienhom u jokorbu biex jiġi applikat ‘l hekk imsejjaħ ‘Rule of Law mechanism’ kontra l-Ungerija.
“Wasal iż-żmien biex nassiguraw li l-gvern ta’ Orban jinżamm kontabbli għad-disprezz lejn il-valuri Ewropej”
Il-votanti tarawx, reġgħu żgarraw, reġgħu ħadu deċiżjoni inaċċettabbli għall-elitisti u hemm bżonn jitpoġġew f’posthom – bis-sewwa jew bid-dnewwa.
Orban rebaħ grazzi għall-kampanja konservattiva, nazzjonalista, anti-immigrazzjoni, pro l-familja tradizzjonali u robustament kontra kwalunkwe avventura fl-Ukranja – (kieku Bernard Grech u l-PN għamlu l-istess u ma semgħux mill-konsulenti liberali, kienu jmorru ferm aħjar) – iżda dawn il-pożizzjonijiet illum, skont l-UE jmorru kontra l-‘valuri Ewropej’ u għandhom jiġu puniti (u forsi għalhekk Bernard Grech u l-PN donnhom eskludew dawn il-pożizzjonijiet, minkejja li jirrappreżentaw il-prinċipji oriġinali tal-Partit Nazzjonalista. Għalfejn kien inħoloq il-partit mhux biex jiddefendi dawn il-prinċipji li kienu mħaddna mill-kostitwenti tradizzjonali Nazzjonalisti?!)
Fid-diskors tal-vittorja, Orban saħansitra lissen lista ta’ opponenti li għeleb tul il-kampanja sabiex jerġa’ jikseb il-poter u dawn jinkludu, l-midja internazzjonali, il-burokratiċi fi Brussel, l-NGOs iffinanzjati minn George Soros u saħansitra l-president tal-Ukranja li qatta’ l-aħħar ftit jiem jindaħal fejn ma jesgħux billi jikkritika lil Orban b’mod aħrax talli ma’ qabilx li għandu jforni l-Ukranja bl-armamenti jew li jimponi aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja.
Wara Putin, f’għajnejn l-elitisti Ewropej, dawn il-pożizzjonijiet sensibbli jagħmlu lil Orban għadu ewlieni tagħhom.
Skont dawn l-elitisti il-gwerra fl-Ukranja hija essenzjali għax hija battalja għad-demokrazija, is-sovranità nazzjonali u d-deċiżjoni għall-għażla ta’ poplu li jgħix kif jidhirlu.
Li huwa stramb u ironiku f’dan kollu huwa l-fatt, li dawn l-istess nies li qed jinsistu biex l-Ukranja tissieħeb fl-Unjoni Ewropea bħal donnu li kienet xi demokrazija liberali eżemplari li għandna immorru niġġieldu għaliha, jafu li fil-fatt li l-Ukranja hija eżattament il-maqblub ta’ dak li qed jgħidu.
Ċertament, jekk inħarsu lejn l-Ukrajna mil-lenti tal-‘valuri Ewropej’ u nqabbluha mal-Ungerija naraw kif fl-Ukrajna ir-realta’ hija ferm iżjed radikali minn dak li qatt ippriedka jew wettaq Orban.
Jekk per eżempju nieħdu s-sitwazzjoni rigward id-drittijiet LGBTIQ (l-akbar baqra sagra fi Brussel flimkien ma’ dik tal-abort) insibu li jekk fl-Ungerija l-LGBTIQ igawdu minn bosta drittijiet inkluż dak ta’ l-unjoni ċivili u l-UE qajmet għagħa sħiħ sempliċiment għax il-poplu fil-maġġoranza tiegħu qabel ma’ liġi li ma tippermettix propaganda ta’ natura ta’ ġeneru u sesswalità indirizzata lil dawk taħt l-età. Ara mbagħad ma jingħadx li fl-Ukrajna dawk ta’ natura LGBTIQ jissawtu apertament fit-toroq.
Jekk Fidesz, il-partit fil-gvern fl-Ungerija, huwa kkunsidrat bħala wisq konservattiv f’għajnejn l-UE, dak fl-Ukranja attwalment integra elementi sostanzjali ta’ Neo-Nażisti bil-pedigri kemm fl-istrutturi formali tal-gvern kif ukoll tal-militar tiegħu.
Jekk fl-Ungerija l-korruzzjoni hija problema (hemm x’imkien fejn mhix?), fl-Ukranja l-korruzzjoni hija tant perversiva u istituzzjonalizzat li l-pajjiż u l-poplu ġie misruq u mnezza’ mill-ġid kollu tiegħu minn klassi oligarka b’mod tant sistematiku, li illum l-Ukrajna hija fil-fatt falluta u fi stat mhux wisq aħjar miż-Żimbabwe.
Jekk fl-Ungerija l-UE għandha xi dubji dwar id-demokrazija u l-pluralità tal-midja, fl-Ukrajna l-president li jrid jikkonvinċina biex niġġieldu għalih, għalaq il-midja li hi kritika lejh, ipprojbixxa skoss partiti fl-oppożizzjoni, ħarrek lill-president ta’ qablu fuq akkuża ta’ tradiment u letteralment sparixxa (ħadd ma jaf x’sar minnhom) għexieren ta’ membri parlamentari, ġurnalisti u persuni prominenti oħra.
Fi kliem ieħor li kieku qatt kellha tissieħeb l-Ukrajna fl-UE, kienet tkun minn ta’ quddiem biex iġġarrab is-sanzjonijiet hekk imsejħa “Rule of Law”. M’hemmx dubju lanqas li meta tqis il-qagħda ekonomika tal-Ukrajna (saħansitra qabel il-gwerra – aħseb u ara wara) – l-Ukranja kienet tiġi ordnata tagħmel l-istess ‘riformi ekonomiċi’ li kellha tħaddan il-Greċja jekk mhux saħansitra agħar.
Dawn l-elitisti jinsistu (mingħajr mistħija) li Orban sfrutta sistema imbabsa favur tiegħu u li għamel użu minn kontroll dominanti fuq il-midja biex jikseb ir-rebħa tiegħu – (tarax it-tibna f’għajnejn ħuk, iżda ara t-travu f’għajnejk mhix il-forte ta’ dawn in-nies) – iżda l-aktar ħaġa li tinkazzahom lil dawn in-nies kien il-fatt li Orban rebaħ l-elezzjoni għax irrifjuta li jkollu sehem fil-gwerra tal-Punent kontra r-Russja permezz tal-Ukranja.
M’hemm xejn ġdid jew oriġinali fil-fehma ta’ Orban dwar l-UE. Huwa għal snin sħaħ oppona u ġġieled kontra l-infiltrament perfidjuż tal-NGOkrazija fl-Ewropa tal-Lvant. Jaf li Zelensky m’huwa xejn ħlief pupazz li jintrema la darba jintgħasar u jkun serva skopu. Ma jarax għalfejn l-Ungerija għandha tissagrifika li titlef kollox biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Hekk kif għad jeħilsu minn Zelensky, l-UE ma jkollha xejn x’iżommha milli żżarma s-sovranità Ukrena kif qed tipprova tagħmel lill-Polonja u lill-Ungerija u għamlet qabel ma’ pajjiżi oħra!
Meta jgħidu li r-rebħa t’Orban huwa ‘jum mudlam għad-demokrazija’ – ifisser biss li huwa jum mudlam għall-verżjoni tagħhom tad-demokrazija. Fi kliem ieħor dan ifisser li kulħadd għandu jissottometti għall-valuri liberali tagħhom, irriduhomx jew le. Ifisser ukoll – innotaw il-kritika lejn Orban fuq il-politika tiegħu dwar l-enerġija – li kulħadd għandu jaddotta l-politika diżastruża li ġabet l-Ewropa għarkupptejha tal-hekk imsejħa ‘Climate Agenda’ u ‘net zero’, politika li hija l-kawża ewlenija għalfejn il-kontijiet tad-dawl fl-Ewropa telgħin m’għola l-istratosfera.
Tarawx li fejn għandu x’jaqsam Orban, għal dawn l-elitisti l-akbar reat huwa li jmantni l-interess tal-poplu tiegħu għandu jibqa’ jiġi l-ewwel. Orban kif nafu ma jistħix iżomm kontroll fuq il-fruntieri u min għandu jew m’għandux dritt jidħol f’pajjiżu.
U din il-politika t’Orban dwar l-immigrazzjoni hija ukoll anatema għall-‘valuri Ewropej’ għax tmur kontra dik imħaddna mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent u dawk Ċentrali li fetħu l-bibien beraħ u nvitaw fi ħdanhom mewġa wara l-oħra ta’ terroriżmu u kriminalità mentri rriduċew lil nieshom stess għal ċittadini tat-tieni klassi. U hawn irridu nieqfu u naħsbu fejn waslet din il-politika liberali? X’inhi, kif jgħidu l-Ingliżi, l-‘end game’? X’inhi l-konsegwenza ta’ politika ta’ din in-natura? Liema nazzjon f’sensih għandu jissagrifika lilu nnifsu u lill-poplu tiegħu biex jintlaħaq dan il-għan?
Jgħidulna li ekonomikament inkunu aħjar, imma anki li kieku kienet vera (li mhix), il-bniedem ma jgħix bil-ħobż biss. Jgħidulna li dan huwa għall-ġid tagħna imma anki li kieku kien vera, x’jiswa li takkwista l-ġid kollu u titlef ruħek?
Il-gwerra fl-Ukranja hija traġedja li setgħet ġiet evitata li kieku kellna nies f’sensihom fil-poter. Ir-Russi ma riedu xejn speċjali ħlief garanzija bil-miktub biex iserrħu rashom li ma jkollhomx armi offensivi fuq il-fruntieri tagħhom. Iżda lanqas s’hemm il-pajjiżi tal-punent ma kienu kapaċi jaslu u allura aħna issa irridu nbatu l-konsegwenzi. Il-gwerra hija traġedja li ma ġġib xejn ħlief qirda fejn imutu n-nies anki dawk innoċenti u ħafna tbatija ekonomika kif dalwaqt ser nitgħallmu u ħafna mit-tort għall-oriġini ta’ din il-gwerra jinsab ukoll fi ħdan l-UE li bl-arroganza għamja ħasbet li setgħet timponi il-viżjoni tagħha akkost tal-beżgħat ta’ dawk li oġġezzjonaw u li qalulna li jekk hemm bżonn jiġġieldu għax ma jifdallhomx triq oħra.
Għalhekk l-UE, u r-rapreżentanti tal-ħabba gozz tagħha m’humiex f’pożizzjoni li jippriedkaw la lil Orban u wisq anqas lill-Ungerija. Iżda ma jitgħallmu xejn u minflok jippriedkaw il-moderazzjoni u s-sensibbiltà, il-politiċi u l-ġurnalisti tagħna jkomplu jkebbsu n-nirien tal-gwerra għad-detriment tal-popli tagħhom.
Jitnejku jekk l-ekonomija Ewropea tindradamx jew jekk jien jew int immutux bil-ġuħ. L-elitisti Ewropej ħobżhom maħbuż u għalihom żieda fl-għoli tal-ħajja ta’ mijiet t’Ewro fix-xahar m’hi xejn. Minkejja l-arja kollha, lanqas li ser ikunu huma jew uliedhom li jaffrontaw sidhirhom u jmorru għall-ġlied. Le. Dawk li jmutu ser ikunu ulied ħaddieħor.
Infakkar li l-Ukranja mhix membru tan-NATO (u jekk niġu għal dan lanqas aħna). Għalhekk aħna m’aħniex obbligati li noqtlu lil uliedna u wisq inqas għandna nħossuna obbligati minħabba rikatt morali maħluq minn midja liberali biex niġġieldu gwerra li mhix tagħna. M’hemm xejn ħażin li npoġġu l-interressi nazzjonali tagħna qabel dawk ta’ ħaddieħor, partikularment qabel ta’ dawk li l-interessi tagħhom joskuraw jew jipprovaw jinqdew b’tagħna.
Dan kollu Orban għarfu – u għalhekk reġa’ rebaħ u j’alla jibqa’ jirbaħ – għax sakemm idum hemm – jibqa’ xaqq ta’ tama, li mhux l-Ewropa kollha tilfet rasha.
L-Ewropa ta Kain qed tiehi ir risposti min qed imexxi l-Ewropa bhal PN ghad jigrilu.