Is-silenzju ta’ Bernard Grech
Għaddew tlettax-il jum mill-elezzjoni ġenerali u l-Partit Nazzjonalista wara tkaxkira bla preċedent għadu ma fetaħx ħalqu. Għadu fi sieket perfett ħlief għal xi messaġġ ‘l hawn u ‘l hemm mill-akkolti ta’ din id-disfatta kbira.
Quddiem telfa bħal din, il-Partit Nazzjonalista u l-amministrazzjoni kollha tiegħu għandha d-dover u d-dmir li ta’ l-inqas tinforma lill-partitarji u s-segwaċi ta’ dan il-partit, xi triq trid taqbad u x’beħsiebha tagħmel biex forsi jsir xi miraklu u n-nies terġa’ tibda tafda lill-Partit Nazzjonalista. Infakkar li dan il-partit għandu storja kbira imma ġie mfarrak minn erba’ liberali u sangisugi li rreduċewh għal dan l-istat ta’ biki.
Iżda le. Ma tarax li kienu ser jindirizzaw lill-poplu wara telfa bħal din! Minflok qed iħaddmu strateġija bażwija biex jippruvaw inessu kemm jista’ jkun malajr dan ir-riżultat diżastruż, waqt li qed jaħdmu minn taħt biex jibqgħu hemm.
L-uniku deputat li kellu l-gazz jitkellem ċar kien Adrian Delia. F’intervista Delia qal ċar li l-elettorat werżaq u mhux tkellem. Naħseb li kulħadd jaqbel miegħu li għandu raġun. Għandu raġun għaliex dawk id-deputati li tefgħu lill-Partit Nazzjonalista f’dan l-abbiss li qiegħed fih baqgħu l-art. Almenu s’issa, għaliex jidher li l-istrateġija li qed tintuża, hija dik li bl-iskuża tal-istatut, ser jippruvaw jgħinuhom biex jerġgħu jkunu fil-parlament.
L-establishment intern, f’alleanza ma’ Repubblika u Civil Society ser jagħmlu minn kollox biex ta’ l-inqas, tnejn minnhom, jerġgħu isibu ruħhom fil-Parlament anke a skapitu ta’ kandidati oħra li kienu favur Repubblika. Ser ikunu qed jagħmlu hekk anki jekk dawn ġew riġettati mill-elettorat. Din hija sfida diretta lill-elettorat innifsu.
Jista’ jkun li ninstab żbaljat pero l-eku tas-silenzju assolut u l-fatt li wieħed miż-żewġ kandidati l-aktar diskussi ġa tefa’ n-nomina tiegħu għad-9 distrett u l-ieħor indika li ser jitfagħha, juri li dan il-partit ma jridx jitgħallem u qed ikompli jħaffer il-qabar tiegħu stess. F’każ li dawn jitilgħu, ikun ifisser li l-Partit Nazzjonalista jsir aktar irrelevanti u jitlef l-elezzjoni li jmiss.
Imbagħad hemm is-silenzju li qed iżomm Bernard Grech. Fid-deher mhux qed jitkellem imma qed jaħdem minn taħt biex jikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu imma mhux dik tal-partit. Huwa ċar daqs il-kristall li Grech qed iżomm is-silenzju sabiex jissalvagwardja l-pożizzjoni tiegħu. Imma mexxej li qed jgħid li jrid jagħmel lill-Partit Nazzjonalista mill-ġdid rebbieħ ma jistax jibqa’ sieket quddiem telfa bħal din!
Dan hu egoiżmu sfrenat. Dan mhux il-ġid tal-pajjiż jew tal-partit qed iħares, imma lejn l-interessi personali tiegħu.
Leader tajjeb ikun persuna viżjonarja li kapaċi taqra tajjeb jew tissalvagwardja kwalunkwe eventwalita’, u dan jidher nieqes sew f’Bernard Grech.
L-ewwel pass li mexxej ġdid irid jieħu huwa li jiddisassoċja ruħu u lill-Partit Nazzjonalista kollu kemm hu mill-Occupy Justice u minn Repubblika. Nemmen li Bernard Grech mhux ser jagħmilha anki jekk qed jagħti xi impressjoni li hu xi Machiavelli.
B’dan il-pass biss tkun bdiet it-triq twila l-quddiem biex dan il-partit jerġa’ jkun partit tan-nies u partit rebbieħ.