Il-by-election tikkonferma li l-Labour ma naqqasx il-voti fuq Ħal Qormi grazzi għal Rosianne Cutajar: imma tfisser li Prim Ministru irid jagħżel is-segretarji nisa minn dawk eletti.

Fil-jiem li għaddew jien għamilt analiżi fejn għidt li l-Lejber żamm fuq Ħal Qormi minħabba l-voti ta’ Rosianne Cutajar. Dan l-artiklu ktibtu wara li deher artiklu fil-Malta Today, fejn intqal li kullimkien il-Lejber naqqas il-voti barra fuq Ħal Qormi u Għawdex.

Illum saret il-by-election għall-Partit Laburista. Fost dawk eletti hemm Rosianne Cutajar u Glenn Bedingfield żewġ deputati, li fil-leġislatura l-oħra kienu mitqiesha bħala ta’ Joseph Muscat.

Issa Rosianne Cutajar ġiet eletta bil-by-election. Ġiet eletta kontra kif jgħidu bl-Ingliż all odds. Infakkar li Cutajar kienet l-aktar mara, wara Miriam Dalli, li ġabet unijiet. Biss ġara li kienet l-aħħar kandidat li waqgħet qabel ma ġie elett id-deputat Ian Borg mis-sitt distrett. Infakkar li barra li din hija t-tielet rebħa tagħha, f’din l-elezzjoni żiedet il-voti.

Mela din il-by-election terġa’ tikkonferma dak li ktibt li kieku ma ħarġitx Rosianne Cutajar jew kieku l-Labour sema’ minn Repubblika u ma ħallihiex toħroġ kien jitlef il-voti għaliex ħafna Laburisti vvutawlha personalment. Kieku ma kienetx tagħmilha f’din il-by-election. Minflokha kien jitla’ ħadd ieħor.

Dan jikkonferma fenominu li qiegħed iseħħ fiż-żewġ partiti. Kieku l-PN żamm mar-Repubblika u ma ħalliex lil Adrian Delia joħroġ, anki hu kien jitlef aktar voti.

Imma niġu lura għal-Lejber. Din l-elezzjoni ikkawżat biċċa uġiegħ ta’ ras jekk mhux inkwiet lill-Prim Ministru għaliex ġa ssemmgħu xi ismijiet għal dawn il-karigi nkluż ta’ persuni li ser jitilgħu bil-vot tan-nisa. Fit-teorija, il-Prim Ministru xorta jista’ jagħżel segretarji parlamentari nisa minn dawk li ser jitilgħu bil-vot tan-nisa.

Imma f’din is-sitwazzjoni, jista’ l-Prim Ministru jinjora dawk in-nisa kollha li telgħu bil-by-election? Ma’ Rosianne Cutajar hemm Katya De Giovanni u Rebecca Buttigieg. Dawn in-nisa li telgħu bil-by-election huma aktar b’saħħithom minn dawk li ser jitilgħu (jew telgħu) bil-vot tan-nisa biex jidħlu fil-kabinett. Anki huma kollha validi.

Jekk ma jagħtihiex segretarju parlamentari lil Rosianne Cutajar, wara li qal li jrid japponta żewġ nisa fil-kabinett, ikun ifisser li Robert Abela qed jittrattaha kif tratta lil Edward Zammit Lewis, Chris Agius u Carmelo Abela fost l-oħrajn.

Ma naħsibx li din ser tinżel tajjeb mal-Laburisti. Jekk ma tingħatax ministeru – u naħseb li mhux ser tingħata – Abela ser ikompli jibgħat messaġġ li jrid iwarrab għal kollox lil dawk id-deputati li huma mitqiesha ta’ Joseph Muscat.

Hija fid-diskrezzjoni tal-Prim Ministru lil min jaħtar segretarju parlamentari, imma l-prim ministru ma jistax jinjora l-vot tal-poplu u b’hekk jekk irid jaħtar lin-nisa, dawn irid jaħtarhom fost dawk li ġew eletti bil-by-election.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *