Ir-reżenji ta’ Peregin u Bezzina
Minn osservatur politiku
L-ewwel żewġ ġenerali ta’ madwar Bernard Grech ammettew li naqsu milli jagħtu xi tip ta’ vantaġġ lill-Partit Nazzjonalista u tefgħu x-xugaman. Ma hemm ebda biki għal din id-deċiżjoni. Kull ma swew lill-Partit huma ammonti kbar ta’ flus li għall-ewwel darba rajna jitħallsu lil nies madwar il-kap tal-Partit. Chris Peregin spiċċalu l-kuntratt mad-data tal-elezzjoni. Kien jaf li jekk ma jirnexxielux javvanza lill-Partit Nazzjonalista, l-kuntratt tiegħu jista’ ma jiġix imġedded.
L-għażla tiegħu ma kienitx feliċi mill-ewwel ġurnata li beda jaħdem mal-partit. L-ideat liberali u l-passat tiegħu ma tantx kienu affarijiet li jagħtuk trankwillita’ meta beda jaħdem għall-Partit Nazzjonalista.
Ray Bezzina, jrid jew ma jridx, ser jibqa’ jissemma għal dak li wettaq ma’ George Pullicino fl-2006, meta kien sar tibdil fil-konfini taż-żoni ta’ żvilupp. Dak huwa dnub li ser jibqa’ jitkaxkar miegħu meta hu kien il-factotum tal-Ministru responsabbli dak iż-żmien. Fil-fatt isem Bezzina kien ta’ sikwiet jissemma, anke fl-aħħar xhur, meta kienet issir kritika lill-Partit Nazzjonalista fuq dak is-suġġett.
Għad irridu nkunu nafu min imponihom fuq il-kap tal-partit dawn iż-żewġ individwi. Ma kienux għażla ta’ Dr Grech imma t-tnejn li huma kienu mponuti fuqu. Ray Bezzina ma spiċċalux il-kuntratt bħal Peregin, imma iddeċieda li jirreżenja minn jeddu.
Almenu hemm xi ħadd mill-kap sas-segretarjat tiegħu, li jifhem li telfa ta’ dak il-kalibru tirrikjedi atti bħal dawk. Għall-inqas dan hu att ta’ rġulija kemm minn Peregin u Bezzina li rreżenjaw. Mid-dehra la Peregin u lanqas Bezzina ma għandhom dik l-influwenza b’saħħitha fuq il-kap tagħhom. It-tnejn ma kienux kapaċi jikkonvinċu lil Bernard Grech li jagħmel bħalhom u jerfa’ huwa wkoll ir-responsabilita’ ta’ din it-telfa kbira.
It-tnejn donnhom sal-aħħar baqgħu jfaħħru lill-kap tagħhom. Ma nistax nifhem kif Bernard Grech jista’ jibqa’ kap tal-partit. Ma nistax nifhem kif l-eks-kap tas-segretarjat ta’ Bernard Grech ikun kuntent li jara lil bniedem, li min jaf kemm tah pariri, jibqa’ kap wara dan ir-riżultat.
Bezzina qal ukoll li hu għandu fiduċja totali f’Bernard Grech. Imma mid-dehra għalkemm il-fiduċja hi totali, l-istess Bezzina ma ħassx li għandu jkompli jkun ta’ servizz għall-bniedem li ser jibqa’ magħruf bħala l-kap li ġarrab l-ikbar telfa għall-Partit Nazzjonalista.