F’dawn l-ewwel mitt jum ta’ wara l-elezzjoni, il-PN irid jiddeċidi fuq l- ideoloġija tiegħu

Minn qarrej ta’ dan il-blog

Fl-artiklu tal-bieraħ il-Ħadd, int ktibt dwar dak li missu jiġri fil-Partit Nazzjonalista f’dawn l-ewwel mitt jum minn wara l-elezzjoni. Naħseb li dak li għandu jagħmel il-PN huwa li f’dawn l-ewwel mitt ġurnata jindirizza l-ideoloġija tiegħu.

Kemm ilu fl-oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista kompla jnaqqas il-voti. Dan il-partit sofra telf ta’ 12,000 vot mill-elezzjoni ġenerali tal-2017. Dan it-telf ġie anki jekk dan il-partit, ilu mill-2013 jimbotta b’saħħa kbira l-aġenda liberali u aktar ma qed jimbotta din l-aġenda, aktar qed jitlef voti.

Għall-kontra tal-Partit Laburista, fejn hija ħaġa normali li partit fil-gvern jara tnaqqis fil-voti, mhux normali li l-partit fl-oppożizjoni jibqa’ jitlef il-voti. Din hija sitwazzjoni disastruża! Dan tefa’ lill-Partit Nazzjonalista fi kriżi. Dan ir-riżultat hu xiehda li l-problema tal-Partit Nazzjonalista mhux kif kien intqal, jiġifieri ġejja minħabba li Dr Adrian Delia tneħħa minn kap tal-partit mill-17 Blue Heroes u l-Blue Heroes ġew ikkastigati mill-elettorat, anki jekk numru sostanzjali ta’ dawn il-Blue Heroes ma tellgħux. Imma dawn il-Blue Heroes kienu assoċjati mill-elettorat mal-ħsieb liberali u proġressiv. Anki jekk forsi wieħed jista’ jargumenta li dawk assoċjati mal-ħsieb demokristjan ġew ukoll ikkastikati. Biss dawn l-anqas ingħataw viżibilita’.

Jumejn wara l-elezzjoni ġenerali, Dr Adrian Delia, tefa’ post fuq Facebook, fejn qal li l-poplu mhux tkellem f’din l-elezzjoni, imma werżaq. Qal ukoll li l-politiċi għadhom issa jagħmlu huma jum ta riflessjoni fuq ir-riżultat. Pero’ jidher li l-kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr. Bernard Grech, mhux talli ma segwiex dan il-jum ta’ riflessjoni, imma jidher ċar li saħansitra qed jirrifjuta li mqar jisma’ din it-“twerżiqa”. Dan għala, għal darba. darbtejn, stqarr li jrid jibqa’ hu kap tal-Partit Nazzjonalista u ikompli jmexxi lill-partit ’il quddiem. ‘Il quddiem fejn? Għat-tarf tal-irdum? Infakkar li dan kien kap li mexxa b’saħħa l-aġenda liberali fil-Partit Nazzjonalista.

Dan ir-riżultat disastruż għall-Partit Nazzjonalista hu riżultat ta’ ħafna fatturi. Imma ngħid għalija wieħed mill-fatturi prinċipali hu li l-Partit Nazzjonalista mill-2013 tilef ruħu. Probabbli jista’ ikun ukoll li l-Partit Nazzjonalista beda jitlif ruħu sa min qabel l-2013. Il-Partit Nazzjonalista tilef l-ideologija tiegħu. Żgur li ma baqax partit Demokristjan. Sar partit tant id-disprat għall-voti li spiċċa qiesu qasba tixxejjer mar-riħ. Sar partit li jrid jogħġob lil Alla u lix-xitan f’istess ħin. Spiċċa jwiegħed kollox lill-kulħadd. Saħansitra spiċċa jikkontradixxi lilu innifsu. Dan waslu biex tilef kompletament il-kredebilita’ tiegħu. Spiċċa ħadd ma sar jagħti każu, ħlief forsi l-core voters tiegħu. Kif jgħidu bl-Ingliż, spiċċa  “preaching to the converted”! L-ebda partit politiku ma jerbaħ bil-core voters tiegħu biss. Il-Partit Laburista kien irrealizza dan minn wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008 taħt it-tmexxija ta’ Dr Joseph Muscat. Dr Robert Abela baqa’ jaħdem fuqha. Imma donnu l-Partit Nazzjonalista, fis-suppervja u l-arroganza kollha li ħakmitu, qed jibqa’ jirrifjuta li jirrealizza dan.

Issa l-Partit Nazzjonalista irid jieħu pass important jekk irid jibqa’ jeżisti. Irid jiddeċidi darba għal dejjem liema triq ser jieħu. Liema ideoloġija politika ser issostni. Jekk hux ser immur lura għall-għeruq tiegħu, dik ta’ Religio et Patria (jew il-kultura Demokristjan) jew jaqleb u jsir Partit Liberali.

Għal din id-deċiżjoni jrid isir ħsieb u analiżi profonda u ġenwina. Kif nara jien, fil-pajjiz ġa għadna tliet partiti bl-ideoloġija liberali. Hemm il-Partit Laburista li hu wieħed minnhom. Mela jekk il-Partit Nazzjonalista isir wieħed liberali, ser jispiċċa ma joffri xejn ġdid u differenti mill-Partit Laburista.

Dan iwassal li għal dawk il-votanti li vvutaw kemm fil-2013, fl-2017 u fl-2022 lill-Partit Laburista, ma ikollhomx raġuni għala jibdlu u jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Min mill-poplu Malti, li huma liberali u jridu xi leġislazzjoni liberali ġdida, ser jivvota lill-PN? Dawn jafu fiċ-ċert li iktar għandhom chance li jakkwistawha mill-Partit Laburista milli mill-Partit Nazzjonalista. Għalhekk, il-vot tagħhom ser immur għand il-Partit Laburista.

Veru li fil-present, il-politika Demokristjana mhix dakshekk moda, imma meta wieħed jara x’hemm fuq ix-xefaq, x’ġej fuqna, kemm fuq Malta u fuq l-Ewropa, minħabba l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukraina u l-effetti tagħha, bil-mod il-mod, din il-politika ser terġa’ tibda tagħmel sens.

Mela, kif nifhimha jien, it-triq li l-Partit Nazzjonalista għandu b’kuraġġ jieħu hi li jerġa’ jaqbad it-triq għall-ideologija ta’ Religio et Patria. Għandu jwarrab kompletament minn ħdanu kull element liberali biex jasal ħa jerġa’ jibda jibni mill-ġdid il-kredebilita’ li tilef. Mhix ser tkun triq faċli, naf. Imma, jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ relevanti u jeżisti, ma għandux triq oħra quddiemu.

Kumbinazzjoni fit-tmiem il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet, kellna ż-żjara mill-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku. Is-Sibt, waqt il-laqgħa tiegħu mal-President ta’ Malta, Dr George Vella, il-Papa Franġisku għamel diskors, indirizzat aktar lejn lis-stat milli wieħed spiritwali. Diskors tajjeb ħafna u profond. Fih, dan id-diskors laqgħat ħafna punti dwar kif għandha tkun soċjeta’ b’saħħita u pajjiż b’saħħtu u sostennibbli.

Il-Partit Nazzjonalista għandu jaħtaf dan il-messaġġ u jagħmlu l-“Mission Statement” tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista għandu jfassal il-politika tiegħu madwar dan id-diskors.

Ironikament, ftit tal-ġimgħat ilu, Kristina Chetcuti kitbet artiklu fuq is-Sunday Times of Malta. F’dan artiklu issuġġerit lill-Papa Frangisku biex ma jiġix Malta għallissa, imma jiġi biss Malta, meta in-nazzjon jerġa’ issib ruħu.

Tista’ tkun grazzja minn Alla li l-Papa Franġisku ma semgħax mis-suġġeriment tagħha u ġie xorta, għax forsi grazzi għal din iż-żjara tal-Papa Franġisku, ikun il-Partit Nazzjonalista stess li jerġa’ isib ruħu!

Sliem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *