Claudio Grech: persuna oħra li għandu jagħmel il-wiesa’

Minn osservatur politiku

Żmien il-bużulloti għadda. Hekk kien qalilna Austin Gatt meta nieda l-Arriva. Din il-frażi saret ċ-ċajta tas-seklu u baqgħet timmarka l-legat politiku ta’ Austin Gatt u ċ-chief of staff tiegħu, Manuel Delia. Manuel Delia dakinhar waqqa’ għaż-żuffjett lill-Austin Gatt u lill-gvern kollu Nazzjonalista meta tana rotot li ridt sagħtejn biex tasal minn naħa għall-oħra, dewmien esaġerat ta’ stennija fuq il-bus stops, karozzi tal-linja jinħarqu u l-famużi bendy buses li minħabba fihom spiċċa jiżżuffjetta bina anke Boris Johnson.

Fil-bidu ta’ din il-kampanja elettorali, Claudio Grech, il-filjozz ta’ Austin Gatt, mar fuq NET TV u qalilna li l-Partit Nazzjonalista din d-darba għandu l-aqwa programm elettorali li qatt kellu. Dan Claudio Grech prova jagħmilha tal-pagun u tal-bully bħal Austin Gatt. Ried juri lil Malta kollha kemm hu bravu għax il-programm elettorali 2022 kitbu hu. Ried li kulħadd ikun jaf li hu, Claudio Grech, kien bniedem bravu u iben politiku denju, Austin Gatt.

Dan Claudio Grech beda qisu jimmaġina lilu nnifsu li hu xi Fr. Peter Serracino Inglott ġdid. Imma l-anqas laħaq ġie mniedi l-programm elettorali li l-ftaħir tal-pagun ma sfumax fix-xejn. Niftakru li l-verżjoni printjata ma kienetx taqbel mal-verżjoni online. In-numru tal-proposti ma kienx jaqbel ma’ kemm ingħad li hemm. Numru ta’ proposti kienu ikkupjati għal aktar minn darba. U l-famuża proposta tat-trackless tram spiċċat il-buzullotta l-ġdida ta’ Claudio Grech, Manuel Delia u Austin Gatt.

Din il-proposta bdiet tibdel il-verżjoni ma’ kull kelliem. Ryan Callus jgħaffeġ waħda u sew meta Bernard Grech bagħtu bħala l-preferut tiegħu biex iwieġeb d-domandi tal-ġurnalisti. U bilħaqq ta’ min jistaqsi, veru li Claudio Grech kien ser jkollu lil Stanley Portelli jgħinu, l-istess bniedem li kien imexxi Transport Malta fi żmien Austin Gatt? Forsi dawn ħasbu li ma konniex ser insiru nafu?

Imma la l-Partit Nazzjonalista maħtuf mill-istess klikka li għamlet il-bravura tal-Arriva, trid tistenna l-istess buzullotti. Claudio Grech, jekk veru trid tagħmel l-ispazju, għandek tagħmel l-ispazju anke minn wara l-kwinti fejn issa kulħadd jaf li fl-aħħar ħames ġimgħat int kont qed tiġbed l-ispag. Claudio Grech irid anke hu jerfa’ ir-responsabilita tad-disfatta ma’ Bernard Grech u jwarrbu t-tnejn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *